Filmat: “Lil Alfred wegħduh ħafna rigali; ma rċieva xejn”

Read in English.

Minkejja li bosta wiegħdu ħafna rigali lil Alfred Spiteri, ir-raġel li kien jgħix f’kantina fil-Belt Valletta u issa qiegħed mas-sorijiet, baqa’ ma rċieva xejn minnhom.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Sor Anastasia, li ilha għal dawn l-aħħar ħames xhur taqdi l-missjoni tagħha fid-dar tal-Little Sisters of the Poor fil-Ħamrun, fejn Alfred ilu jgħix erba’ xhur.

Spiteri, li għandu 60 sena kien ingħata l-opportunità li jgħix f’night shelter fil-Mellieħa, iżda wara li qatta’ lejl, irrifjuta li jerġa’ jmur.

Sor Anastasia semmiet kif fost l-oħrajn wegħduh televiżjoni, iżda ma wasal qatt.

Irrakkuntat l-ewwel ġurnata li fiha wasal Alfred fir-residenza. Spjegat li hu baqa’ mbellaħ bil-kamra li ngħatatlu u ma setax jemmen li kienet se tkun tiegħu.

Qalet li llum il-ġurnata, Alfred joħroġ kuljum ma’ ħabib tiegħu, li jċempillu biex joħorġu jew imorru xi qadja flimkien.

Sor Anastasia rrimarkat li minkejja li qal kemm-il darba li se jitlaq mir-residenza tal-Little Sisters of the Poor, għadu qatt ma ħa dan il-pass.

Ir-residenza tal-Little Sisters of the Poor tilqa’ fiha anzjani li għandhom aktar minn 60 sena u jkollhom pensjoni tant baxxa li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja dinjituża.

Jekk tixtieq tgħin lil Alfred u anzjani oħra bħalu tista’ tasal wasla sar-residenza inti stess jew inkella ċċempel fuq 2124 6630.