Filmat: “Liġijiet waħidhom mhux biżżejjed, bżonn ta’ nies integri”

Read in English.

Il-liġijiet waħidhom mhux biżżejjed iżda hemm bżonn ta’ nies integri biex jimplimentawhom. Hekk saħaq il-ġurnalista u editur ta’ Maltatody.com.mt Kurt Sansone li dalgħodu kien intervistat fuq 103 Malta’s Heart minn Andrew Azzopardi.

Mistoqsi dwar il-governanza tajba u kif Malta tista’ timxi ‘l quddiem fuq dan l-aspett, Sansone qal li mhix xi ħaġa li tfaqqa’ subgħajk u titranġa iżda saħaq li jrid ikun hemm persuni ta’ integrità li apparti l-bidla fil-liġijiet iridu jatwaw dawn il-liġijiet b’mod għaqli.

Il-governanza mhix xi ħaġa li tagħmel ABC u daqshekk imma xi ħaġa li tevolvi kuljum

Semma għadd ta’ liġijiet li daħlu fis-seħħ bħal pereżempju l-Whistleblowers Act u il-Freedom of Information Act iżda qal li mhumiex biżżejjed. Spjega dan billi qal li mhux biżżejjed li jkun hemm il-liġijiet b’saħħithom u b’multi ħorox imma jrid ikun hemm min iħaddimhom li għandu integrità.

Dwar il-Panama Papers, Sansone qal li mix-xhieda li qed toħroġ fil-Qorti qed jidher kif kien hemm problema ta’ tlajjar fosthom li l-investigazzjonijiet kienu qed isiru b’riżorsi limitati u anke ttardjar fil-ħin. Sostna li dan qed jiġi żvelat bħalissa fl-inkjesta pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u mill-kumpilazzjonijiet tax-xhieda fil-kawżi fil-Qorti.

Sansone tkellem ukoll dwar l-iżvantaġġi ta’ pajjiż żgħir għax qal li dan iġib miegħu diffikultajiet fejn jidħlu regoli li jridu jkunu ċari għal kulħadd.

Qal li l-poplu mdorri jċempel lill-politiku tad-distrett biex jirranġaw problema bħalma hi ħsara fis-sistema tad-drenaġġ. Sansone spjega li dan id-drtit li jitranġaw affarijiet bħal dawn jista’ jakwistah iċ-ċittadin innifsu billi jċempel lill-awtoritajiet kompetenti.

B’dan l-eżempju, Sansone spjega kif għalkemm il-governanza tajba u l-korruzzjoni jkunu qed jaffettwaw lill-pajjiż, iċ-ċittadini mhux dejjem ikejluh bl-istess kejl meta jiġu biex jivvutaw. Stqarr li ċ-ċittadin jagħmel assessjar personali dwar dak li jkun qed jaffettwa lilu u lill-pajjiż biex jiddeċiedi fuq il-vot tiegħu.