Filmat: “Li tassoċja lill-Arċisqof mal-abbuż tat-tfal huwa tfigħ ta’ tajn”

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li wieħed jassoċja lilu mal-abbuż tat-tfal mhix satira imma hija tfigħ ta’ tajn.

Hu qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat live minn Fr Joe Borg fuq Newsbook.com.mt. L-Arċisqof irreaġixxa għall-karru msejjaħ “L-infern ta’ Jude,” b’referenza għat-tieni isem tiegħu. Il-karru juri lill-Arċisqof quddiem il-faċċata ta’ Dar San Ġużepp b’żewġt itfal bil-qrun. Min xerred ritratt tal-karru fuq Facebook kiteb, “Ħallu t-tfal jiġu għandi… shh tgħidilhom xejn.”

L-Arċisqof sostna li hu m’għandu l-ebda oġġezzjoni li min ikun f’irwol pubbliku jkun ukoll suġġett għas-satira, speċjalment fil-karnival. Qal iżda li wieħed irid ikun kapaċi jiddistingwi meta l-arti ma tibqax espressjoni tas-satira imma ssir sempliċiment mezz ta’ kif wieħed jitfa’ t-tajn fuq ħaddieħor. Insista li huwa inġust li hu ġie assoċjat mal-abbuż tat-tfal u sostna li wieħed irid ikollu “malizzja partikolari” biex jasal biex jagħmel dan.

Mons. Scicluna qal li jimmaġina li se jkun hemm karrijiet satiriċi wkoll fuq politiċi. Sostna li dawn taw ħafna iżjed spunti li setgħu jintużaw għas-satira din is-sena.

F’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt xi jiem ilu, il-Ministru Josè Herrera kkundanna dan il-karru. Qal li malli sema’ bil-biċċa, huwa sejjaħ għad-Direttur ta’ Festivals Malta u talab li jara l-karru. Imbagħad ħa parir legali u ddeċieda li l-karru jiġi rimedjat biex ma jesponix b’mod redikolu lit-tfal u lill-Arċisqof. Qal li karru bħal dan huwa “insensittiv iżżejjed fil-konfront tal-Arċisqof u tat-tfal f’Dar San Ġużepp.”