Filmat: “Li kieku mhux għall-Foodbank, hemm nies li jmutu bil-ġuħ”

Li kieku ma jkunx hemm il-Foodbank, ċertu nies li jkunu qegħdin fi kriżi jmutu bil-ġuħ skont l-amministratur tal-Foodbank Lifeline Foundation Ross Yarnold.

Yarnold qal ma’ Newsbook.com.mt li jkun hemm persuni li jinbidlulhom iċ-ċirkostanzi tal-ħajja tagħhom u jkollhom bżonn l-għajnuna tal-Foodbank. Il-Foodbank bdiet fl-2015 u sentejn ilu bdiet l-inizjattiva tar-Reverse Advent Calendar. Min xtaq jgħin seta’ jitfa xi ħaġa tal-ikel f’kaxxa sakemm joqrob il-Milied. Din imbagħad tingħata lill-Foodbank biex titqassam lil min ikollu bżonn.

Iċ-ċirkostanzi tan-nies li jfittxu l-għajnuna tal-Foodbank huma varji. Hemm min ikun tilef ix-xogħol u hemm per eżempju min ma jkunx qed ilaħħaq mal-kera. “Mingħajr il-Foodbank, dawn in-nies żgur li jkunu f’diffikultà,” qal Yarnold.

Fi żmien il-Milied ikunu ħafna dawk li jagħmlu donazzjoni ta’ ikel. Skont Yarnold, l-ikel jibqa’ jservi sa April. Sfortunatament, il-provvista tal-ikel imbagħad tibda tonqos, tant li jkollhom bżonn aktar għajnuna mill-Knisja ta’ Sant’Indrija.

Yarnold qal ukoll ma’ Newsbook.com.mt li dejjem ikunu qed ifittxu l-għajnuna tal-voluntiera. Kull min ikun interessat jgħin kemm jagħżel ġurnata u jxammar il-kmiem. Dawk li jiġi jgħinu jintalbu jgħinu fis-sorting tal-ikel u li jerfgħu l-kaxex tal-ikel f’posthom.

Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ Bernard Pollacco u Francine Farrugia minn JCI Malta li din is-sena organizzaw attività ta’ ġbir tal-ikel minn għaqdiet, kumpaniji, u anke individwi li xtaqu jgħinu.

Farrugia qalet li inġabru aktar minn 30 kaxxa ikel u li kien hemm interess kbir. Pollacco qal li l-attività kienet ta’ suċċess. “Fi żmien il-Milied, dejjem aħjar li tagħti minflok tirċievi” saħaq Pollacco.