Filmat: “Li kieku bejnietna l-artisti niġġudikaw inqas…” – Kurt Anthony

Kurt Anthony u Mark Anthony b'kanzunetta ikonika Taljana

'Piccolo Grande Amore' by Claudio Baglioni is one of those iconic songs from our neighbor island, Italy. This is my full rendition together with another local male artist Mark Anthony Bartolo , following last Saturday's snippet and wonderful feedback..... Wishing everyone a good start to a new week.

Posted by Kurt Anthony on Monday, July 20, 2020

Lil Kurt Anthony u Mark Anthony mhux l-ewwel darba li rajnihom jikkollaboraw flimkien, l-ewwel darba f’Diċembru li għadda bil-kanzunetta By the water tal-grupp The Characters ta’ Ray Mercieca. Dawn it-tnejn għandhom ħafna affarijiet in-komuni wkoll.

Iltaqgħu fl-ewwel staġun ta’ X Factor Malta, it-tnejn għandhom ‘Anthony’ bħala parti mill-‘istage-name’ tagħhom. Osservajna li t-tnejn li huma kellhom l-istess destin fl-X Factor, waslu sal-fażi tad-Djar tal-Ġurija u lil hinn minn dan, it-tnejn urew personalità partikolari tul il-vjaġġ tagħhom.

Għandhom żewg vuċijiet uniċi u personalitajiet partikolari li taw x’jgħidu lill-pubbliku li kien qed isegwi u anke lil min baqa’ jsegwihom individwalment wara l-kompetizzjoni tal-X Factor Malta.

Kurt jgħidilna, ”Mark kien qed jakkumpanjani waqt waħda mis-serati mużikali li ntella’ ta’ kull nhar ta’ Ħadd f’Marsaxlokk u spontanjament interpretajna ħafna kanzunetti akustiċi bit-Taljan fosthom Piccolo Grande Amore ta’ Claudio Baglioni. Dak il-ħin ħarist lejn Marik u mill-ewwel fehmni. Jumejn wara sibna ruħna fl-istudjow u flimkien pproduċejna verżjoni akustika u sempliċi tal-kanzunetta tant popolari mill-Italja.”

Il-verżjoni ta’ dawn iż-żewġ żgħażagħ qed tirċievi ħafna kummenti sbieħ fuq il-mezzi soċjali.

”Jien u Kurt it-tnejn sensittivi ħafna u nħobbu l-arti tagħna. Għalhekk noħolqu proġetti sempliċi u mill-qalb u n-nies dejjem japrezzaw ix-xogħol li noħolqu flimkien,” ikkummenta magħna Mark. 

Kurt Anthony jqajjem punt tajjeb ukoll. ”Mark għallimni ħafna, bniedem li ma kellux passat faċli ħafna imma l-mużika salvatu bħalma salvat lili kemm-il darba. Kieku aħna l-artisti nifhmu lil xulxin minflok niġġudikaw lil xulxin, nistgħu noħolqu arti sabiħa ħafna flimkien lid-dinja kollha”.

Il-kantant iżid jgħid li “li kieku bejnietna l-artisti niġġudikaw inqas u nifhmu iktar lil xulxin, inkunu kapaċi boħolqu mużika iktar onesta.”

Bla dubju dawn it-tnejn se jkunu qed iwasslu aktar materjal ġdid fiż-żmien li ġej. Nawgurawlhom.