Filmat: “Li jaslu aktar immigranti mhux fl-interess nazzjonali” – Il-PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-prijorità ewlenija fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni tibqa’ l-interess nazzjonali, u l-wasla ta’ aktar immigranti f’Malta mhijiex fl-interess tal-Maltin.

Dan qalu meta ġie mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk il-Gvern Malti jaħsibhiex bħan-Nazzjonijiet Uniti, bħall-Kunsill tal-Ewropa u bħall-Papa Franġisku dwar il-qagħda li jinsabu fihom iċ-ċentri ta’ detenzjoni fil-Libja. Il-Papa Franġisku riċentament xebbah dawn iċ-ċentri ma’ kampijiet ta’ konċentrament.

Mistoqsi jekk il-Gvern Malti jinsistix mal-Libja fuq id-drittijiet tal-bniedem, Robert Abela qal li l-Gvern Malti u dak Libjan għandhom prijorità komuni. Saħaq li m’għandhiex tingħata l-impressjoni li wieħed ma jistax jirraġuna mal-awtoritajiet Libjani, u li l-Libja ma tirrispettax id-drittijiet. Huwa qabeż għall-ħbiberija bejn Malta u l-Libja, u qal li hemm djalogu bejn iż-żewġ pajjiżi, u fiduċja reċiproka.

Il-Prim Ministru qal li kemm Malta, kif ukoll il-Libja, iridu jaraw aktar il-preżenza tal-UNHCR u tal-IOM fix-xtut Libjani sabiex jiżguraw li l-kundizzjonijiet fiċ-ċentri ta’ detenzjoni huma tajbin. Sostna li Malta taf l-obbligi internazzjonali tagħha skont il-liġi internazzjonali.

Il-wasliet tal-immigranti ‘kontra’ l-interess nazzjonali

Il-Prim Ministru insista li l-wasliet tal-immigranti huma kontra l-interess nazzjonali tal-pajjiż, u li l-Gvern se jibqa’ jaħdem biex inaqqas l-għadd ta’ immigranti li jidħlu Malta. Spjega li sar diversi xogħol fil-qasam tal-immigrazzjoni mill-Gvern fl-aħħar sitt xhur. “Jien Prim Ministru ta’ Malta u Għawdex u se nipproteġi l-interess tal-gżejjer tagħna,” saħaq Abela.

Issokta jgħid li l-piż tal-immigrazzjoni huwa wieħed eċċessiv u mhux proporzjonat mal-qies tal-pajjiż. Ikkundanna n-nuqqas ta’ għajnuna minn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea, imma semma kif fl-aħħar xhur, il-Gvern Malti rnexxielu jirriloka għadd ta’ immigranti li kienu waslu Malta. Madankollu, qal Abela, dan mhuwiex biżżejjed.

Żied li Malta sabet ħafna għajnuna mingħand “il-ħbieb” Libjani.

Il-prinċipju tan-non-refoulement

Mistoqsi dwar jekk kienx hemm xi immigranti li ntbagħtu lura minn fejn ġew, Abela qal li dan qatt ma ġara.

Dan il-prinċipju ta’ non-refoulement hu wieħed fundamentali skont il-liġi internazzjonali li jipprojbixxi lil pajjiż li jirċievi lin-nies li jkunu qed ifittxu l-ażil milli jibgħathom lura f’pajjiż fejn ikunu f’periklu li jiġu ppersegwitati, pereżempju refuġjati li jkunu qed jaħarbu l-gwerra f’pajjiżhom. Dan il-prinċipju japplika wkoll għal pajjiżi li mhumiex parti mill-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-istat tar-refuġjati.

F’Mejju, waqt li xi immigranti kienu qed jinżammu barra x-xtut Maltin fuq vapuri mikrijin mill-Gvern, l-IOM u l-UNHCR insistew li l-ebda persuna li tissalva bejn sema u ilma m’għandha tintbagħat lura l-Libja. Huma kienu sostnew li l-Libja ma tistax titqies pajjiż sigur minħabba l-kunflitt li hemm, il-mod kif jinżammu l-immigranti fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fost l-oħrajn. Kienu qalu li involviment ta’ xi pajjiż permezz ta’ dgħajjes kummerċjali jkun ksur tal-liġi internazzjonali.

Il-Libja mhix firmatarja tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra

Il-Libja mhijiex parti mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, iffirmata fl-1951, dwar l-istat tar-refuġjati u l-protokoll dwar dan. Il-pajjiż kien għadda l-Konvenzjoni tal-1969 li tiggverna ċerti aspetti tal-problemi tar-refuġjati fl-Afrika, u li hi parti miċ-Ċarter Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-pajjiż Afrikan lanqas ma għandu liġi jew proċeduri stabbiliti dwar l-ażil. Il-persuni mhux Libjani jaqgħu taħt il-liġijiet tal-immigrazzjoni nazzjonali, kemm jekk ikunu qed ifittxu l-ażil, jekk ikunu refuġjati, vittmi tat-traffikar jew immigranti. Dan ifisser li japplikaw il-liġijiet Libjani li jikkriminalizzaw id-dħul, it-tluq jew li xi ħadd joqgħod fil-pajjiż b’mod irregolari mingħajr ma jiddistingwu bejn l-istatus tal-persuna.

Filmat: Monique Agius