Filmat: “Li għamilna f’10 xhur jimliena b’kuraġġ li nixħtu l-pandemija fil-passat”

Il-Prim Ministru jgħid li sa Mejju, Malta tkun business as usual

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li dak li sar fl-10 xhur tal-pandemija inissel kuraġġ fina sabiex il-pandemija nixħtuha fil-kotba tal-istorja. Huwa wera t-tama li sa Marzu, inkunu rkuprajna sew mill-coronavirus, u sa Mejju nkunu business as usual.

Fil-messaġġ tiegħu fi tmiem l-2020 u l-bidu tas-sena l-ġdida, il-Prim Ministru saħaq kemm hu kburi bil-Gvern u bil-Maltin fi tmiem din is-sena ta’ sfidi, meta ffaċċjajna “dik li hi l-akbar sfida mit-Tieni Gwerra Dinjija, jekk mhux saħansitra l-akbar sfida ta’ kull żmien.”

Abela stqarr li din l-isfida setgħet farrket lil Malta, imma minflok, ħarġet aktar il-kwalitajiet is-sbieħ tal-Maltin: “Is-solidarjetà. L-imħabba lejn xulxin. L-għaqda nazzjonali. Dawn iridu jibqgħu magħna anke malli tgħaddi l-pandemija.” Fir-riflessjonijiet tiegħu fuq l-2020, il-Prim Ministru wera sodisfazzjon li Malta rnexxielha tibqa’ protetta kemm mil-lat ta’ saħħa, ta’ ekonomija, u anke soċjalment.

“L-2021 is-sena fejn naħarbu niġru ‘l quddiem fit-tkattir tal-ġid”

Għall-2021, wera d-determinazzjoni li din tkun is-sena “fejn naħarbu niġru ’l quddiem fit-tkattir tal-ġid għan-nies.” Apparti hekk, indirizza l-ħtieġa li l-ambjent ikun il-prijorità, u semma kif, minn għada, se tieqaf l-importazzjoni tal-plastik li jintuża darba biss.

Lil hinn minn dan, il-Prim Ministru jrid li aktar karigi eżekuttivi jkunu okkupati min-nisa, filwaqt li jsiru riformi fil-ħatriet elettorali sabiex aktar nisa jkunu mħeġġin jipparteċipaw fil-Parlament. Riforma oħra li jrid jara Abela hi dik tal-liġi tad-divorzju. Lil Għawdex irid jarah jikseb l-istess riżultati li tikseb Malta.

Il-Prim Ministru qal li biex naslu fi tmiem din il-burraxka, fadal ftit żmien ieħor, iżda ma’ kull jum li jgħaddi, is-sagrifiċċju qed jeħfief. Madankollu, huwa insista fuq l-importanza “li nibqgħu nosservaw id-direzzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa sakemm meħtieġ biex żgur ma nitilfu xejn minn dak li ksibna flimkien.”

Il-messaġġ tiegħu temmu b’awgurju għas-sena l-ġdida f’ismu, f’isem martu Lydia, binthom Giorgia Mae, u l-Gvern.