Filmat: “Li ċċaħħad ġenitur minn uliedu hi forma sottili ta’ vjolenza domestika”

Meta ġenitur jipprova jċaħħad lil uliedu minn ġenitur ieħor tinbet forma sottili ta’ vjolenza domestika. Mhux tat-tip fiżiku, iżda tat-tip psikoloġiku. Dan kien il-kliem ta’ Anthony Cauchi, il-PRO ta’ Happy Parenting Malta, NGO li tiffoka fuq is-suġġett tal-Parental Alienation.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Cauchi tkellem dwar il-kunċett ta’ Parental Alienation fejn spjega fid-dettall x’inhu. Spjega kif dan ifisser li għandek żewġ ġenituri li għandhom l-ulied, u hemm ġenitur wieħed li jipprova jimmina, jimmanipula u jagħmel brain washing tal-ulied biex dawn iduru kontra l-ġenitur l-ieħor u jirriġettawh u jobgħoduh mingħajr ġustifikazzjoni.

Spjega li dan huwa mod kif ġenitur isir pussessiv kompletament fuq uliedu. Qal li meta ġenitur jipprova jdawwar lill-ulied kontra l-ġenitur l-ieħor jagħmel tliet affarijiet: (1) jgħidilhom li huwa monstru, (2) li dan abbandunahom, u (3) li huwa perikoluż. Insista li b’hekk dan jista’ jidher bħala tip ieħor ta’ vjolenza domestika.

Cauchi rrimarka kif l-aktar li jbatu f’dawn is-sitwazzjonijiet huma t-tfal. Spjega kif ħafna drabi l-ġenitur li jkun qed jagħmel dawn l-affarijiet xejn sbieħ, ikun għadda minn trawma, forsi anke meta kien iżgħar u qatt ma ħadem fuqha għax qatt ma fittex l-għajnuna.

“Iċ-ċaħda ta’ ġenitur minn uliedu tista’ twassal għal suwiċidju”

Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ Dr Ivan Sammut id-Deputat Dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta. Dr Sammut qal li l-Għaqda Dinjija tas-saħħa identifikat il-parental alienation bħala marda mentali li tiżviluppa f’tip ta’ vjolenza domestika. “Din il-vjolenza mhux tip ta’ vjolenza fiżika, ma hemmx demm jew daqqiet ta’ ponn, imma hija vjolenza psikoloġika qawwija ħafna, kemm lejn il-ġenitur imwarrab kif ukoll lejn it-tfal.”

Sammut kompla jgħid kif din it-tip ta’ vjolenza tista’ anke saħansitra twassal għal suwiċidju u b’hekk ikollha konsegwenzi gravi ħafna. Qal li permezz tal-għaqda Happy Parenting Malta, huma jippruvaw iqajmu kuxjenza sabiex ikun hemm ħidma kontra din it-tip ta’ vjolenza domestika.

Hu rrimarka li l-liġi Maltija għadha ma rrikonoxxietx il-parental alienation bħala xi ħaġa illegali. Qal li minkejja dan saru xi żviluppi fil-parlament fejn tidħol il-care alternative order tat-tfal. Qal li hawn kien ġie diskuss is-suġġett ta’ parental alienation, iżda għal xi raġuni jew oħra dan tħalla barra. Insista li jeħtieġ li dawn l-affarijiet jiġu indirizzati, speċjalment ladarba l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa wkoll tirrikonoxxi dan il-kunċett.

“80% tal-ġenituri mċaħħda minn uliedhom huma rġiel”

Meta wieħed jaħseb fuq is-suġġett ta’ vjolenza domestika, ħafna drabi moħħu mill-ewwel ipinġi lill-mara vittma. Minkejja dan, kulħadd jista’ jispiċċa, b’xi mod jew ieħor, vittma ta’ din it-tip ta’ vjolenza. Dwar dan, Dr Sammut irrimarka li l-vjolenza m’għandhiex sessi u b’hekk tista’ tkun lejn in-nisa u anki lejn l-irġiel. Irrimarka kif statistikament, madwar id-dinja hemm 80% tal-ġenituri mċaħħda minn uliedhom li huma rġiel. Hu spjega li dan il-perċentwal ivarja minn pajjiż għall-ieħor. Qal iżda li dan ma jeskludix li n-nisa jistgħu wkoll ikunu vittmi tal-parental alienation.

“12-il xelter tal-vjolenza domestika għan-nisa, mank wieħed għall-irġiel”

Min-naħa tiegħu, Anthony Cauchi rrimarka li f’Malta hawn 12-il xelter għan-nisa vittmi ta’ vjolenza domestika u t-tfal tagħhom. Irrimarka li minkejja li bosta huma konxji li l-irġiel jistgħu jkunu vittmi ta’ vjolenza domestika wkoll, ma jeżistix xelter li fih jilqa’ l-missirijiet vittmi ta’ vjolenza u t-tfal tagħhom.

Hu spjega kif illum hawn realtajiet differenti u l-familja tradizzjonali mhix l-unika familja li teżisti. Staqsa x’se jiġri f’Malta issa li huwa legali ż-żwieġ ta’ persuni tal-istess sess jekk ikun hemm vjolenza domestika ta’ raġel fuq raġel, jew mara fuq mara. Qal li din hija realtà ġdida li hemm bżonn tiġi indirizzata. Semma kif sfortunatament, f’Malta, isiru ħafna affarijiet nofs leħja għax filwaqt li jingħataw id-drittijiet mhux kulħadd jirrealizza li dawn se jkollhom problemi bħall-familji tradizzjonali u jaf jiġu bżonn is-sapport ukoll.

Cauchi spjega kif madwar id-dinja hawn 50-il miljun tifel u tifla li huma vittmi tal-parental alientation bi 22 miljun minnhom fl-Amerka.

Rappurtaġġ addizzjonali Lizzie Cutajar.