Filmat: Lest nirriżenja jekk l-abort jitla’ fil-Parlament – Bernard Grech

Read in English.

Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech lest jirriżenja jekk meta jkun hu Prim Ministru l-abort jitla’ fl-aġenda tal-Parlament wara li jgħaddi minn referendum nazzjonali.

Huwa qal dan fi programm fuq l-istazzjon F Living fejn ġie mistoqsi dwar il-valuri Nsara li jħaddan. Huwa rrisponda billi qal li din hija suppożizzjoni għaliex qal li dan jiġri jekk isir referendum u jekk dan ir-referendum jirbaħ. Stqarr ukoll li din hija sitwazzjoni rimota għaliex hemm ħafna “jekk-ijiet” iżda insista li huwa jibqa’ kontra l-abort.

Fi żjara li kien għamel lill-kamra tal-aħbarijiet ta’ Newsbook.com.mt, Bernard Grech kien saħaq li huwa kategorikament kontra l-abort u l-ewtanażja.

Fil-programm Grech reġa’ stqarr b’mod ċar li “l-abort huwa qtil” u stqarr ukoll li huwa “kontra l-abort”.

Stqarr li huwa se jaħdem favur il-ħajja f’kull ċirkostanza mill-konċepiment anke sal-qabar għaliex qal li l-persuna jixirqilha d-dinjità anke wara mewtha.

Mistoqsi repetutament mill-preżentatur dwar jekk għandux ikun hemm diskussjoni dwar l-abort, Bernard Grech insista li huwa qatt ma kien se jdaħħal l-abort f’Malta iżda spejga li hu jrid jisma’ lil min ikun qed ibati.

Qal li kieku jaqbel mal-abort kieku lanqas kien iressaq il-kandidatura tiegħu għaliex l-abort imur anke kontra l-istatut tal-Partit.

L-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista mistennija li ssir bejn l-aħħar ta’ Settembru u l-bidu ta’ Ottubru li ġej bil-kandidat l-ieħor ikun il-Kap attwali Adrian Delia.