Filmat: Lest li taqsam dak li għandek mal-fqir?

Il-Fqir – Catriona Brincat u Mario Debono

Ħsieb u silta żgħira minn kanzunetta oħra finalista f’ L-Għanja tal-Poplu 2020. IL-FQIR – Catriona Brincat u Mario Debono (Mario Debono)

Posted by L-Għanja Tal-Poplu on Tuesday, August 18, 2020

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru se tittella’ l-44 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu f’xandira diretta fuq TVM.  Il-mistieden speċjali ta’ dan il-festival se jkun Philip Vella li rebaħ il-festival tas-sena li għaddiet. Il-preżentaturi tal-festival huma l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina.

Kuljum f’dan l-ispazju se ssibu tagħrif fuq kull kanzunetta parteċipanta.

Kanzunetta: Il-Fqir

Kantanti: Catriona Brincat u Mario Debono

Kliem u mużika: Mario Debono

Il-kantawtur Mario Debono jirrakkonta li meta kien Budapest is-sena l-oħra, waqt li hu u l-mara kienu sejrin lura fl-appartament, il-mara ġibditlu l-attenzjoni lejn raġel fqir, rieqed fuq kartuna, ġo bieb ta’ palazz. Meta waslu lura d-dar, kiteb il-versi ta’ din il-kanzunetta u meta reġa’ lura Malta kkompona il-mużika. Illum, kull meta jkanta din il-kanzunetta jiftakar f’dak li ħaseb u ħass dakinhar u jistaqsi kif se jġib ruħu quddiem din it-tbatija? Kif se jħares lejn il-fqir? Lest jaqsam miegħu dak li għandu?

Catriona Brincat u Mario Debono. Ritratt: Joseph Agius Attard

Catriona Brincat bdiet tkanta fil-kor tal-parroċċa ta’ Birżebbuġa meta kellha ħames snin. Imbagħad sa tmintax-il sena ħadet sehem fil-musicals tal-iskejjel, tal-parroċċa u taż-ŻAK. Bdiet tistudja l-vuċi ta’ tnax-il sena. Sadattant kantat fil-kor taż-żwiġijiet El Shaddai għal erba’ snin. Għal dawn l-aħħar sentejn, daqqet il-kitarra u kienet backing vocalist fi Strumming. Catriona se tinstema’ għall-ewwel darba f’L-Għanja tal-Poplu din is-sena meta se tkanta mal-kantawtur Mario Debono.

Mario Debono hu kantawtur magħruf  f’L-Għanja tal-Poplu, ħafna drabi finalist, rebbieħ erba’ darbiet u darba ġie fit-tielet post. Ħa sehem f’Kartolina, ippubblikata mill-YTC u kien finalist f’The Malta Entry for the 6th European Union Cyprus and Malta Song Festival. Ippubblika l-cassette Il-Blata Tiegħi – Għanjiet ta’ Aħbar Tajba. Il-kanzunetti tiegħu jinsabu fis-cds ippubblikati minn L-Għanja tal-Poplu. Dalwaqt iniedi album, Noli, ġabra tal-aktar diski tiegħu li ntlaqgħu mill-pubbliku.

L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu 2020 qed jittella’ b’differenza biex nimxu mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.