Filmat: Malta kellha tħallas għal kontijiet tad-dawl irħas – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li Malta kellha tħallas bil-qares għal kontijiet irħas tal-elettriku. Hu kien qed jirreferi għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dan qalu dalgħodu waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-Partit Nazzjonalista. Delia qal li Malta tilfet id-demokrazija minħabba l-proġett tal-power station.

It-tema tal-konferenza hija ‘Riforma u Tiġdid – Governanza Tajba u Demokrazija b’Saħħitha’. Il-PN mistenni jippreżenta numru ta’ proposti fid-dawl tas-sitwazzjoni politika kurrenti f’Malta.

Delia qal li wara sitt snin ta’ Gvern Laburista jgħid li Malta tinsab fl-aqwa żmien, issa qed jgħidu lin-nies tagħhom li Malta għaddejja mill-aktar perjodu diffiċli.

Delia ddeskriva l-assassinju ta’ Caruana Galizia bħala assassinju istituzzjonalizzat. Delia qal li l-PN se jkompli jissielet għall-ġustizzja. Hu żied jgħid li dawk li ħallew lil Caruana Galizia tiġi assassinata għax abdikaw mir-responsabbiltajiet tagħhom għandhom ibatu l-konsegwenzi ta’ għemilhom.

Fid-diskors tiegħu, Delia talab sabiex kull kuntrat li ġie ffirmat taħt l-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi jiġi investigat.

Aktar kmieni, f’kumment ma’ Newsbook.com.mt  dwar l-aspettattivi tiegħu tal-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li ma għandux aspettattivi. Qal li għandu kollox ippjanat u se jkunu qed jitħabbru żewġ affarijiet importanti fosthom it-tnedija u l-koordinazzjoni tar-riforma interna tal-partit.

Waqt il-konferenza, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli qal li waqt li l-PN jemmen li t-tneħħija ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru hija l-ewwel pass lejn il-fejqan, hemm ħafna iktar xi jsir.

Id-dokument Riforma u Tiġdid jinkludi 15-il proposta li jitkellmu fuq:

  • Ħatra tal-President tar-Repubblika, li jkun il-President tan-Nazzjon
  • Qrati li jispiraw fiduċja
  • Parlament u Parlamentari li jilleġislaw u jiskrutinjaw b’mod awtonomu
  • Awtoritajiet u istituzzjonijiet b’garanzija ta’ indipendenza
  • Avukat Ġenerali b’garanzija ta’ indipendenza u sinsla
  • Forzi dixxiplinati, indipendenti u tajbin
  • Awditur Ġenerali li jifli kollox u fil-ħin
  • Finanzjament tal-Partiti mill-Istat biex ikun hemm ħelsien tal-politika mill-kunflitti ta’ interess
  • Xandir tal-Istat imparzjali, Edukattiv, Serju u li jagħti spazju lill-partiti u lill-imsieħba soċjali
  • Ħarsien sħiħ tal-ġurnalizmu investigattiv
  • Tisħiħ tas-soċjetà ċivili
  • Trasparenza fil-ħidma u fil-kuntratt tal-Gvern
  • Tieqaf l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza
  • Pożizzjonijiet ta’ fiduċja biss fejn huwa sewwa
  • Insaħħu l-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni

Id-dokument ġie approvat.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Koral Aquilina għamel numru ta’ referenzi għax-xhieda li ħarġet fl-aħħar jiem fil-Qorti.

Id-Direttur tal-Assoċjazzjoni Maltija għal Min Iħaddem, Joseph Farrugia, li kien mistieden bħala kelliem għal-laqgħa, qal li għadd kbir ta’ persuni qed jitilfu t-tama tagħhom. Qal li dawn issa qed jemmnu li biex tkun negozjant ta’ suċċess trid tkun korrott. Hu qal li l-prijorità ta’ Malta bħalissa mhux l-istabbilità ekonomika imma li ssir ġustizzja fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Caruana Galizia kienet inqatlet permezz ta’ karozza bomba barra minn darha fl-2017.

L-eks Membru Parlamentari Nazzjonalista Tonio Borg staqsa jekk kienx jiġi elett il-Partit Laburista li kieku l-poplu kien jaf “bil-ħmieġ mistoħbi fil-partit”.

Fid-diskors tiegħu, Delia akkuż l-Partit Laburista li dawwar il-Parlament f’dipartiment tal-Gvern. Hu tkellem ukoll dwar każ fejn numru ta’ persuni ma ngħatalhomx aċċess għall-ispeakers gallery mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati.

“Is-soluzzjoni mhix musical chairs” – Delia

Delia qal ukoll li s-soluzzjoni tal-problemi kurrenti mhix “musical chairs”. Hu qal li l-Prim Ministru l-ġdid ta’ Malta għadu jibda billi jsewwi l-problemi li spiċċa fihom il-pajjiż.

Skont Delia, il-Partit Laburista beda jgħid li l-Partit Nazzjonalista kellu raġun rigward problemi dwar il-Kummissarju tal-Pulizija u l-President. Hu staqsa fejn kienu dawn il-membri tal-PL qabel.

Delia staqsa dwar min se jkun qed jassigura li Konrad Mizzi u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jiġu investigati. Hu staqsa wkoll dwar minn se jassigura li l-azzjonijiet ta’ Muscat jiġu investigati wkoll.

Il-Kap tal-PN fakkar ukoll li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għandu aċċess għall-kuntratti relatati mall-bejgħ tal-isptarijiet Maltin. Qal li għalhekk, Fearne jista’ jħares lejhom u jara jekk kienx hemm xi ħaġa li marret żmerċ.

Filmat: Christoph Schwaiger