Filmat: “Lanqas tazza nbid ma kont nieħu; imma ħakmitni d-droga”

Clifford Galea, waqt intervista, qal kif ta’ 29 sena qas kien jieħu tazza inbid jew sigarett. Imbagħad spiċċa maħkum bid-droga wara li ħadha għall-ewwel darba. Huwa kien qed jitkellem ma’ Jesmond Saliba fuq 103 Malta’s Heart.

Clifford, ta’ 34 sena min Naxxar, sostna kemm iħobb il-kultura Maltija, u li ħafna jafuh bħala preżentatur ta’ programmi storiċi u kulturali. Huwa jkanta, u kien ħa sehem fil-Festival Kanzunetta għall-Ewropa tal-2009. Kien jiġri l-maratoni b’risq it-tfal tal-Ursolini. U kien ukoll maħkum mill-vizzju tad-droga.

Huwa qal li l-iżjed pass diffiċli biex taqta’ d-droga huwa li tammetti li għandek problema. Qal li kien mingħalih li għax huwa persuna edukata, ma kellux vizzju tad-droga, għax f’moħħu dejjem kellu li l-ivvizzjati jgħixu ħajja miżerja fit-toroq.

Nifs li Kważi Kissirni

Clifford spjega kif ippubblika ktieb jismu Nifs Li Kważi Kissirni. Dan il-ktieb jiddokumenta l-esperjenza tiegħu mad-droga, b’mod li jista’ jiġi deskritt bħala qrara. Il-President George Vella nniffsu ddeskrivih bħala manwal għal dawk li qed jippruvaw joħorġu mill-vizzju tad-droga.

Meta’ Jesmond staqsih dwar il-ktieb, Clifford qabad fuq il-kelma “nifs”. Huwa spjega kif nies li jieħdu d-droga msejjħa kokaina crack, isejħulha “tieħu nifs”. Qal li ried ikun reali, u qal kif kien isib pjaċir f’dak in-nifs għal mument temporanju. Però, spjega kif id-droga toħodha għax trid l-ewwel darba biss; id-drabi l-oħra tkun għax ħakmitek.

Ir-riforma

Clifford spjega kif imbagħad, ħbieb tal-qalb qalulu jmur l-OASI u beda jattendi xi laqgħat waħdu. Imbagħad beda jmur is-sessjonijiet ta’ kull nhar ta’ Tnejn u Erbgħa, u wara ftit ħeġġewh jidħol resident. Wara li beda l-programm, magħmul minn 12-il pass, beda jieħu r-ruħ.

Illum qal li jimxi pass pass biex jegħleb il-vizzju tad-droga. Dan għax kuljum irid jiġġieled kontra l-vizzju, u din tista’ tinħass xiħaġa kbira, sakemm ma toħodhiex ġurnata b’ġurnata.

Kif tinduna li xiħadd maħkum mid-droga?

Clifford spjega kif tinduna li persuna qed tinħakem mid-droga. Qal li d-drogi kollha għandhom effetti differenti, imma b’mod ġenerali, l-persuna tkun iżjed aġitata, tuża idejha differenti u tibgħat messaġġi strambi. Qal ukoll li tinduna mill-għajnejn u mill-fatt li l-persuna qed taqta’ fil-qasir. Qal li trid tkun taf il-persuna sew u tevalwa jekk l-affarijiet li qed tagħmel humix strambi f’għajnejk.

Qal li hu kellu ħafna fejn jinħeba peress li kien persuna eżemplari, u kien involut f’ħafna attivitajiet soċjali apparti li kien fil-midja. Minn naħa l-oħra, sostna li l-memorji sbieħ tal-passat attiv tiegħu għenuh jirrealizza x’qed jitlef minħabba d-droga.

Semma wkoll kif il-midja soċjali tinfluwenzak biex tieħu d-droga, apparti minn influwenzi oħra. Qal li l-midja soċjali iġġiegħlek tħossok qisek trid tkun perfett il-ħin kollu, u minħabba f’hekk, tispiċċa dejjem għandek bżonn xiħaġa avolja għandek kollox.

Kif tgħin lil xiħadd vizzjat?

Biex tgħin, Clifford sostna li jrid ikollok qalbek u moħħok miftuħin biex ma tiġġudikax lil min hu maħkum mid-droga. L-ivvizzjat tgħinu billi turih imħabba ġenwina u rispett bla ġudikament. Fakkru wkoll fil-passat sabiħ tagħhom li tappan bid-droga.

Min għandu bżonn għajnuna biex jegħleb id-droga, jew għandu bżonn għajnuna kif jgħin lil ħaddiehor, agħmel kuntatt ma’ dawn:

  • Aġenzija Sedqa – 23885110
  • Caritas – 25906600
  • OASI – 21563333
  • Aġenzija Appoġġ – 179