Filmat: “Lanqas €1 fil-but m’għandna” – ħaddiema li ma tħallsux

Read in English.

Ħaddiema tal-kostruzzjoni Torok li qegħdin jaħdmu fuq il-proġett tal-Fortina f’Tas-Sliema qegħdin jgħidu li ma tħallsux għal xhur sħaħ u issa qed jiġu mhedda li jitkeċċew mil-lukanda fejn qegħdin joqogħdu.

Wieħed mill-ħaddiema għamel kuntatt ma’ Newsbook.com.mt u spjega li min iħaddimhom qed jallega li huma tħallsu, iżda huma ma rċivew l-ebda flus. Il-ħaddiema issa qed jiġu mhedda li jitkeċċew mil-lukanda fejn joqogħdu, u qed jappellaw lill-Gvern Malti sabiex jintervjeni. Qalu li f’pajjiż ċivilizzat bħal Malta, membru fl-Unjoni Ewropea, jistennew li d-drittijiet tagħhom jiġu mħarsa.

Newsbook.com.mt iltaqa’ mal-ħaddiema li ġew impjegati sabiex jaħdmu fuq il-proġett tal-lukanda tal-Fortina nhar l-Erbgħa li għadda, u huma tkellmu dwar il-problemi li qed jaffaċċjaw.

Il-grupp ta’ 80 ħaddiem Tork li ma jafux jitkellmu bl-Ingliż ilhom Malta għal għadd ta’ xhur. Huma qed jappellaw lill-Gvern għall-għajnuna għax ma jafux x’jistgħu jagħmlu. Uħud minnhom qalu li ilhom ma jitħallsu għal tliet xhur, filwaqt li oħrajn qalu li ilhom ma jitħallsu ħames xhur. Semmew kif ma kellhomx flus x’jibagħtu d-dar lill-familji tagħhom għall-Eid li jiġi ċċelebrat meta jintemm ir-Ramadan.

Il-ħaddiema ilhom jagħmlu strajk għal dawn l-aħħar ġimagħtejn. Qalu li ħadd ma ħa interess fil-problema tagħhom. Huma stqarrew li ma jridux iħallu x-xogħol nofs leħja, imma kulħadd għandu lil familtu fiex jaħseb. Semmew, pereżempju, kif, għalkemm il-lukanda fejn joqogħdu qed titħallas mill-Fortina, huma m’għandhom l-ebda flus, la għal flixkun ilma, lanqas għal pakkett sigaretti.

Spjegaw li l-ġurnata tax-xogħol tagħhom tibda fis-7am u tispiċċa fis-6pm, iżda xi drabi jibqgħu jaħdmu anke sa tard billejl, sakemm jiġu l-pulizija jwaqqfuhom.

Fortina Investments tiddistanzja ruħha minn TACA

Il-kumpanija Fortina Investments ħarġet stqarrija li fiha ddistanzjat ruħha minn TACA Construction. Qalet li l-ħaddiema ta’ kostruzzjoni huma impjegati mal-kumpanija Torka u mhux mal-Fortina.

L-istqarrija tgħid li Fortina Contracting Ltd, kumpanija sussidjarja ta’ Fortina Investments, onorat l-obbligi finanzjarji tagħha lejn Taca Construction għax-xogħol li sar, u tinsab diżappuntata li l-kumpanija Torka allegatament ma ħallsitx lill-impjegati tagħha l-flus li ħadmu għalihom.

Min-naħa tagħhom, il-ħaddiema qalu li tilfu t-tama kollha li kellhom f’TACA. Staqsew kif, bħalma l-Fortina intervjeniet u provditilhom post fejn joqogħdu, tistax tintervjeni u tgħin f’dal-każ ukoll.

Il-kumpanija żiedet tgħid li s-sitwazzjoni qed titqies waħda serja u qed isir dak kollu possibbli sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-ħaddiema jkunu salvagwardjati.

Intervista: Monique Agius

Filmat: Miguela Xuereb

Avviż: Is-sottotitli fil-filmat mhumiex preċiżi, imma approssimattivi