Awdjo: Lampa stampa wara li ħallsu depożitu

Persuna tinsab inkwetata wara li raġel barrani daħaq bit-tifla tagħha hekk kif għamilha ta’ sid il-post u rnexxielu jobrom depożitu ta’ €450.
Persuna li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt qalet li l-każ ġara jumejn ilu meta marret ma’ bintha biex tfittex post għall-kiri f’Baħar iċ-Ċagħaq.
Hemmhekk iltaqgħu mar-raġel li kienu ftiehmu miegħu qabel u beda jdawwarhom mal-flett.
Peress li l-flett kien laqathom, iddeċidew li jħallu depożitu ma’ sid il-post bħala assigurazzjoni li l-flett se jingħata lilhom.
Sid il-post ma kienx se jagħtihom irċevuta; madanakollu l-persuna li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt qalet li ħarġet karta biex jiktbu l-qbil li kien sar bejniethom.
Il-persuna kompliet tgħid kif fil-ġurnata tal-kuntratt “sid il-post” baqa’ ma tfaċċax.
It-tifla kienet laħqet sabet il-profil tar-raġel fuq Facebook u għaldaqstant il-persuna li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt tellgħet ir-ritratti tiegħu fuq Facebook fejn qalet x’kienet ġarrbet.
Żiedet li meta kienu marru jagħmlu rapport fl-għassa tan-Naxxar, il-pulizija kienu qalulhom li l-każ tagħhom kien it-tielet wieħed li kien qed jiġi rrappurtat bl-istess dettalji.
Qalet ukoll li l-pulizija wegħduhom l-għajnuna kollha meħtieġa però qalulhom li se tkun diffiċli biex jinstab ir-raġel peress li hu barrani.
Għaldaqstant min għandu xi informazzjoni fuq dan ir-raġel jista’ jikkuntattja lill-Pulizija.
Filmat: Ian Noel Pace