Filmat: L-UE mhix infurmata bi spiji Ċiniżi fl-ambaxxata Maltija

Il-Kummissarju Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin Josep Borrell qal li l-awtoritajiet Belġjani ma qalux lill-Unjoni Ewropea dwar spiji Ċiniżi fl-ambaxxata Maltija fil-Belġju. Din l-aħbar ġiet ippubblikata mill-gazzetta awtoritevoli Franċiża Le Monde u ġiet miċħuda fl-istess ġurnata mill-Gvern Malti.

Il-Kummissarju Għoli Borrell kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalist tal-Politico wara laqgħa bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea. Huwa qal li din aħbar għalih u l-unika affarijiet li jaf huma dawk li ġew ippubblikati fil-gazzetti.

Stqarr li huwa diffiċli għalih li jippronunzja xi ħaġa li dwarha ma jafx b’mod uffiċjali u stqarr ukoll li jekk l-awtoritajiet Belġjani jafu dwar xi ħaġa huwa ċert li se jinfurmawh dwar dan.

Ma’ Newsbook.com.mt l-Ambaxxatur Malti għal Belġju Ray Azzopardi qal li ma jafx dwar dan il-każ dwar il-bini tal-ambaxxata li tinsab f’post strateġiku faċċata tal-bini tal-Kummissjoni Ewropea f’Rue Archimède fi Brussell.

Ilbieraħ filgħaxija, il-Gvern Malti qal li x-xogħlijiet ta’ rinovazzjoni li saru lura fl-2007 fis-sit li jilqa’ fih ir-Rappreżentanza Permanenti u li saru taħt amministrazzjoni differenti, twettqu bi spiża tal-Gvern ta’ Malta, 13-il sena ilu.

Il-Gvern qal ukoll li kienet biss l-għamara li ngħatat b’donazzjoni mill-Gvern Ċiniż biex tiġi installata u dan f’konformità mal-proċeduri relevanti ta’ sigurtà fir-Rappreżentanza Permanenti u li l-Gvern jibqa’ rikonoxxenti.