Filmat: “L-ostakli fis-settur diġitali fl-Ewropa huma r-regoli li joħolqu l-industriji”

Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea qed jaħdmu biex iġibu tibdil fis-settur diġitali madwar l-Ewropa biex dan isaħħaħ il-kummerċ u jkun aktar ġust lejn il-konsumaturi.
Dwar dan it-tibdil, ma’ Newsbook.com.mt, il-membru tal-Parlament Ewropew Therese Comodini Cachia għamlet referenza għal rapport, li tiegħu kienet rapporteur, li jitratta fost l-oħrajn il-barrieri li qed toħloq il-geoblocking.
Bil-geoblocking, persuni li jkunu xtraw jew qed iħallsu għal servizz diġitali jispiċċaw ma jkunux jistgħu jibqgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz meta jitilqu fuq btala jew biex jgħixu f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.
Enfasizzat li ħafna drabi dawn l-ostakoli ma jkunux il-pjattaformi diġitali iżda r-regoli tal-indusrija li ħolqot biex tħares l-interessi tagħha u l-profitti.
Qalet li din se tiġi ndirizzaat fl-abbozz finali tal-politika tal-aġenda diġitali, liema rapport għadu qed jistenna r-risposta tal-Kummissjoni Ewropea.
Dan wara li f’Ġunju, il-Parlament Ewropew approva r-rapport tal-Ewroparlamentari Julia Reda dwar il-copyright.
Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt jekk tibdil fir-regolamenti tas-suq diġitali Ewropew hux se jwassal biex servizzi televiżivi ta’ kumpaniji kbar bħal Sky hux se jiġi aċċessibbli fost il-pajjiżi kollha, l-Ewroparlamentari Comodini Cachia qalet li teżisti differenza bejn l-industrija tal-films fl-Istati Uniti u dik Ewropea, speċjalment minħabba d-diversità fis-suq Ewropew u l-mod kif isir il-marketing tal-prodott.
Therese Comodini Cachia qalet li l-futur soċjali u ekonomiku ta’ Malta se jkun dipendenti fuq l-istruttura, pjattaformi u infrastrutturi diġitali.
Hija temmen li Malta tista’ ssir ċentru tal-eċċellenza fl-industrija diġitali jekk tagħraf tisfrutta din l-opportunità.
Nhar il-Ġimgħa, 20 ta’ Novembru fit-3 ta’ wara nofsinhar, l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta se jorganizza diskussjoni dwar dan bit-tema ‘Is being digital risky business’ f’Dar l-Ewropa fil-Belt Valletta.
Għal din id-dikussjoni se jattendu l-Ewroparlamentari Therese Comodini Cachia, Roberta Metsola u Alfred Sant.
Din l-attività qed issir f’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Strickland u l-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni.