Filmat: L-OPM investigat b’assassinju – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li b’dak li ġie żvelat illum fil-Qorti jindika li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (OPM) qed jiġi investigat b’assassinju.

Delia qal dan f’appell li kien imxandar mill-Partit Nazzjonalista fejn qal li l-President flimkien mal-Membri Parlamentari Laburisti għandhom jinvokaw Artiklu 85 tal-Kostituzzjoni li jagħmel referenza wkoll għal Artiklu 80 li fihom il-Kostituzzjoni tagħti l-poteri biex jitneħħa l-Prim Ministru attwali.

Huwa fisser li l-investigazzjoni fuq Keith Schembri li kien il-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, hija l-aktar ħaġa intollerabbli fi stat demokratiku u għaldaqstant iġġib magħha obbligi.

Stqarr li l-President flimkien mad-deputati min-naħa tal-Gvern għandhom jerfgħu ir-responsabbiltà għaliex il-mument huwa issa u l-ħtieġa hija immedjata.

Qal li ma jistax ikollna 84% tal-MEPs jgħidu li l-pożizzjoni tal-PM mhix tenibbli u dan qabel ma llum sar magħruf li l-uffiċċju tal-Prim Ministru huwa investigat b’assassinju.