Aġġornata: Ocean Viking isalva 102 persuni oħra; 4 nisa tqal

Read in English.

Total ta’ 176 persuna ġew salvati f’żewġ ħidmiet separati ta’ tiftix u salvataġġ bil-bastiment Ocean Viking. It-tieni salvataġġ seħħ illum wara nofsinhar fejn 102 persuni ttellgħu fuq il-bastiment. Huma kienu jinsabu 40 mil nawtiku mill-Kosta Libjana. Fost il-persuni salvati hemm 12-il mara, erba’ minnhom tqal, kif ukoll disat it-tfal.

Fit-3 ta’ Ottubru, il-bastiment Ocean Viking telaq mill-port ta’ Marseilles.

Aktar kmieni: L-Ocean Viking isalva 74 ruħ mill-għarqa ‘l barra mil-Libja

Il-bastiment Ocean Viking salva 74 immigrant ‘il barra mil-Libja. Dan ħabbritu fuq twitter l-għaqda Alarm Phone. Fost il-persuni salvati hemm sitt minuri.

L-għaqda spjegat kif ilbieraħ wara nofsinhar ġiet mgħarrfa li kien hemm dgħajsa f’periklu li tgħereq ‘il barra mill-Kosta Libjana. Qalet li malli saret ta fil-pożizzjoni tad-dgħajsa talbet l-għajnuna tal-Gwardja tal-Kosta Taljana u l-bastiment Ocean Viking tal-għaqdiet SOS Mediteranee u Doctors Without Borders.

Wara li Alarm Phone għarraf lil Ocean Viking dwar id-dgħajsa, il-bastiment mill-ewwel mar għas-salvataġġ. Mal-ħin is-sitwazzjoni abbord bdiet tiddeterjora minħabba li beda jidlam. Madanakollu tard bil-lejl huma ġew salvati mill-għaqda.

Intant, l-għaqda SOS Mediteranee ppubblikat filmat tal-ħidma ta’ salvataġġ. Spjegat li d-dingi kien ‘il barra minn 50 mil nawtiku mill-Kosta Libjana.