Filmat: L-MUT twaqqaf id-direttivi għas-servizzi fl-iskejjel

Read in English.

Minn nhar it-Tnejn li ġej se jiġu sospiżi d-direttivi tal-MUT li jaffettwaw is-servizzi ta’ sapport għall-istudenti li jingħataw mingħand counsellours, career advisors, youth workers u resource workers. Id-direttivi ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar 14-il xahar.

Dan ħabbru l-President tal-MUT Marco Bonnici waqt il-programm Andrew Azzopardi on 103. Bonnici kien qed jagħmel it-tieni intervent tiegħu fil-programm hekk kif il-professur Azzopardi talbu biex jispjega x’wassal għal dan l-iżvilupp.

Marco Bonnici qal li din il-ġimgħa l-MUT kellha laqgħat mal-awtoritajiet li fihom ġie konkluż ftehim mal-Gvern. Kien għalhekk li l-MUT se tissospendi d-direttivi. Stqarr li dawn kienu “negozjati diffiċli imma s-sitwazzjoni qed tiġi riżolta”.

Dawn is-servizzi daħlu fis-seħħ fid-9 ta’ Lulju 2019:
Mit-Tnejn li ġej inqas servizzi għall-istudenti fl-iskejjel

Mistoqsi minn Andrew Azzopardi dwar għalfejn l-unjin tal-għalliema kellha tirrikorri għas-sospensjoni ta’ servizzi utli u ta’ għajnuna lill-istudenti għal aktar minn sena, Marco Bonnici qal li s-servizzi essenzjali baqgħu jingħataw. Huwa insista li l-istess mistoqsija għandha ssir lill-Ministeru għall-Edukazzjoni għax qal li huma damu biex waslu għal soluzzjoni.

Spjega wkoll li d-direttivi bdew fil-bidu tas-sajf tal-2019 fejn qal li fix-xhur tas-sajf ftit ikun hemm talba għal dawn is-servizzi. Qal li l-għan tal-MUT kien li jintlaħaq qbil sa tmiem is-sajf biex is-servizzi jkomplu jingħataw b’mof normali tul is-sena skolastika.

X’servizzi kienu twaqqfu?

  • Ma ssirx ħidma fuq My Journey, programm fejn tagħlim akademiku, vokazzjonali u applikat jiġu kkunsidrati b’mod ugwali.
  • Ma jsirx sottomissjoni tar-rapporti, inkluż dak annwali.
  • Ma jsirx sottomissjoni tat-tbassir.
  • Ma jsirx ebda komunikazzjoni ma’ ta’ fuqhom.
  • Ma jitwieġbux emails mingħand ta’ fuqhom.
  • Ma jitwieġbux telefonati mingħand ta’ fuqhom.
  • Ma jsirux laqgħat organizzati minn ta’ fuqhom.
  • Ma jaċċettawx studenti ġodda.
  • Ma jagħtux servizz mingħajr ma jkunu jafu bl-istudent minn qabel.