Filmat: L-MUMN tagħti flokk iffirmat mill-infermiera lill-Papa Franġisku

Read in English.

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) żaret lill-Papa Franġisku u għaddietlu flokk li jilbsu l-infermiera ffirmat minnhom.

Delegazzjoni mill-unjin marret Ruma dan ix-xahar biex tiltaqa’ mal-Papa wara waħda mill-Udjenzi Ġenerali tiegħu. Id-delegazzjoni tal-MUMN u l-Ambaxxatur ta’ Malta fil-Vatikan Frank Zammit kienu ilhom jistennew din iż-żjara bil-ħerqa mis-sena li għaddiet.

Il-President tal-MUMN Paul Pace qal li l-flokk li għaddew lill-Papa huwa sinjal ta’ apprezzament, u b’hekk hu ffirmat minn ħafna infermiera li jaħdmu fis-swali mal-pazjenti. Huwa spjega kif l-appoġġ tal-Papa Franġisku f’xogħol l-infermiera huwa ta’ inkoraġġiment għalihom, speċjalment waqt il-pandemija tal-coronavirus.

Kliem il-Papa fuq l-infermiera
L-infermiera huma eroj – il-Papa

Fil-Jum Internazzjonali tal-Infermiera f’Mejju li għadda, il-Papa ddeskriviehom bħala eroj.

“Ejjew nitolbu għall-infermiera, irġiel u nisa, żgħar u kbar,” talab il-Papa Franġisku li kompla biex jiddeskrivi dan ix-xogħol mhux biss bħala professjoni, imma bħala “vokazzjoni u ħajja dedikata,” mhux biss xogħol.