Filmat: L-MSSP bi ktieb fuq kif il-komunità tgħix il-liturġija

Il-komunità tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP) ħarġet ktieb fuq kif in-nies fil-komunità jgħixu l-liturġija.

Il-ktieb, bl-isem Living Stones, twieled minn xewqa li l-esperjenza ta’ dawn il-persuni tiġi rrakkuntata u spjegata, qalilna Fr Martin Cilia, is-saċerdot li jmexxi din il-komunità. Il-ktieb jiffoka fuq kif il-liturġija qed issir sors fil-ħajja ta’ ħafna nies, kif dawn jersqu qrib Ġesù u jiffurmaw lilhom infushom.

Fr Martin spjega li l-Knisja hija nieqsa minn spjegazzjoni tas-simboli li jinstabu fiha, bħall-artal u l-ambone u l-ktieb ikopri dawn, imma lil hinn minn hekk, il-ktieb għandu l-għan li jkun sors ta’ talb biex min jaqrah jifhem aħjar il-liturġija. “Mhux biss riti u ritwali, imma jgħin lill-persuni jersqu aktar qrib Ġesù,” fiehem il-qassis.

Matthew Urpani book designer and friend of our community shares with us his experience at MSSP Oratory and his impressions of the new book.

Posted by Oratorju MSSP on Tuesday, October 13, 2020

“Fl-Oratorju niffurmaw poplu li hu xhieda li l-fidi mhix xi ħaġa tal-passat”

Il-komunità tal-MSSP twaqqfet fl-1910, u ilha bbażata fl-Oratorju f’Birkirkara mill-1927. Tul is-snin, il-komunità żviluppat minn ċentru fejn jitgħallmu d-duttrina t-tfal, għal ċentru taż-żgħażagħ u tal-liturġija, għal ċentru ta’ katekeżi llum, fejn jattendu ħafna nies. Il-ħidma tagħha hi mifruxa f’diversi pajjiżi bħall-Awstralja, il-Pakistan, il-Filippini, il-Perù u Kuba.

Fr Martin esprima s-sodisfazzjon għas-sens ta’ komunità bejn in-nies li jattendu l-Oratorju. Qal li huma konxji li ħafna Nsara jmorru l-knisja imma għandhom problema ta’ formazzjoni, u għalhekk fl-Oratorju jippruvaw jiffurmaw poplu li hu xhieda li l-fidi mhix xi ħaġa tal-passat, għax il-fidi titlob li l-mod ta’ għajxien ta’ dak li jkun ikun jirrifletti fiex jemmen. In-nies li jattendu l-Oratorju li mhumiex parti mill-komunità jħossuhom li jistgħu jixorbu minn din in-nixxiegħa ta’ fidi ħajja.

Kif tinxtered il-liturġija waqt pandemija

Mistoqsi fuq kif il-pandemija affettwat lill-Oratorju, Fr Martin qal li affettwathom bil-kbir peress li l-komunità hi mibnija fuq il-qrubija bejn in-nies. Il-post kellu jagħlaq għalkollox għall-ewwel darba minn kemm ilu miftuħ, madankollu, xorta waħda sabu mod kif jilħqu l-komunità.

Filwaqt li fuq it-televixin kienet qiegħda tixxandar il-quddies f’ħinijiet varji tal-jum, l-MSSP ħolqot aktar minn 35 filmat qasir fuq Facebook sabiex tgħin fil-formazzjoni reliġjuża tan-nies, speċjalment billi fil-bidu tal-pandemija kien żmien ir-Randan.

Min jixtieq jixtri l-ktieb Living Stones jista’ jagħmel dan minn hawnhekk.

Filmati: Miguela Xuereb