Filmat: L-MEP Soċjalista Ana Gomes tgħid li l-Ministru Cardona għandu x’jaħbi

F’intervista esklussiva ma’ Newsbook.com.mt, l-MEP Soċjalista Ana Gomes ma qagħditx tomogħdha meta qalet li l-Ministru Chris Cardona irid jgħatti xturu. Hija qalet li l-Ministru Cardona waqqa’ l-kawżi ta’ libell li kien fetaħ hu stess kontra l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia għax għandu x’jaħbi. Hija kienet qed tirreferi għall-każijiet li kienu relatati mal-allegazzjoni li Cardona kien żar burdell fil-Ġermanja waqt li kien fuq xogħol tal-gvern. Gomes qalet li jekk dan ma għandux x’jaħbi, kien jagħti minn jeddu d-data tal-mowbajl tiegħu lill-qorti taż-żmien meta kien il-Ġermanja.

Gomes qalet li “inħossni tassew imħassba li sal-lum, il-Pulizija Maltija ma sejħulux”. L-MPE Portugiża żiedet li “…allura naħseb li huwa tassew rilevanti li jkun stabbilit li dak li kitbet Daphne fuq Cardona hux korrett jew le, mhux biss għax din hija ħaġa importanti fiha nnifisha imma wkoll għax huwa importanti ħafna li tkun stabbilita l-motivazzjoni ta’ min kien li ordna l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Żgur li dawk li bħalissa hemm il-ħabs huma sempliċement dawk li wettqu r-reat”.

Cardona jiċħad

Il-Ministru Chris Cardona ċaħad ripetutament li kien f’burdell fil-Ġermanja u dejjem sostna li kien fil-kamra tal-lukanda fejn kien alloġġjat. Meta l-istorja kienet ippublikata, l-ewwel reazzjoni tiegħu kienet li kien se jiftaħ sensiela ta’ libelli biex inaddaf ismu. Huwa fetaħ erba’ libelli f’erbat ijiem u permezz tagħhom iffriża l-flus kollha li kellha Daphne. Bħala parti mid-difiża tagħha, Daphne Caruana Galizia kienet talbet lill-qorti biex ikun ippreżentat ir-rendikont tat-telefonati rreġistrati fil-mowbajl. Cardona rreżista din it-talba iżda fl-10 ta’ Lulju 2017, il-Qorti talbet lill-kumpaniji tal-mowbajl biex jissottomettu din id-data. Sadanittant, wara l-assassinju ta’ Daphne ftit anqas minn tliet xhur wara, il-familja tagħha żammet għaddejja il-kawżi kollha ta’ libell, inkluż il-libelli ta’ Cardona.

The Daphne Project, konsorzju ta’ ġurnalisti investigattivi, intant allegaw li l-Ministru Cardona kien intlemaħ f’bar fis-Siġġiewi jitkellem ma’ wieħed mill-irġiel li sadanittant kienu ttellgħu l-qorti akkużati bil-qtil tal-ġurnalista. The Daphne Project qalu li kellhom żewġ xhieda li kienu qed jgħidu dan. Il-Ministru Cardona ‘ċaħad kategorikament’ li hu kien f’dan il-bar fit-3 ta’ Diċembru kif ix-xhieda qalu lil The Daphne Project. Dan kien il-jum qabel ma l-pulizija arrestat lit-tliet suspettati. Huwa qal li kien imur f’dan il-bar b’mod regolari u ma eskludiex il-possibbiltà li seta’ kien hemm xi wieħed mis-suspettatti fil-bar f’dak il-ħin li hu kien hemm.

F’Mejju, Cardona ma marx għas-smigħ tal-libell fil-qorti għax qal li kellu xogħol tal-Gvern. B’hekk il-każijiet waqgħu. Huwa kellu ċans jerġa’ jirriattiva dawn il-każi f’perjodu ta’ żmien li tagħti l-liġi imma dan ma għamlux biex b’hekk il-każi waqgħu definittivament.

Traskrizzjoni u filmat fil-verżjoni Ingliża

Christoph Schwaiger u Sylvana Debono ħadmu fuq din l-istorja.