Filmat: L-ITS tipprovdi lezzjonijiet onlajn għall-istudenti

L-Istitut għall-Istudji tat-Turiżmu (ITS) lbieraħ bdiet b’sistema ta’ lezzjonijiet onlajn għall-istudenti li jattendu din l-iskola.

Fi stqarrija l-iskola spjegat li b’hekk l-istudenti se jkunu jistgħu jkomplu jsegwu l-lezzjonijiet mid-dar. Dan biex jittaffa l-effett li seta’ jkollu l-għeluq tal-iskejjel Maltin kawża tal-coronavirus.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech, irringrazzja lit-tim ta’ akkademiċi tal-ITS li ilhom jippreparaw u jaħdmu fuq sistema ta’ tagħlim onlajn għall-aħħar sentejn. Il-lezzjonijiet onlajn bdew propju mill-bieraħ u skont Fenech, kienu ta’ suċċess. Dan wara li rċevew diversi kummenti pożittivi mill-għalliema u anke l-istudenti.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li dan hu mument kruċjali biex isiru aktar investimenti fir-riżorsi u fil-ħaddiema, biex meta tgħaddi din il-fażi, ikun hawn servizz tal-ogħla livell fl-industrija tat-turiżmu.

Dan qed isir fi ftehim mal-MUT u mal-akkademiċi tal-ITS.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn