Read in English.
Studenti li jattendu Savio College ħejjew kartolina tal-Milied elettronika għall-anzjani kollha li bħalissa għaddejjin minn mumenti diffiċli minħabba l-pandemija tal-coronavirus.
L-istudenti spejgaw kif l-anzjani sfortunatament spiċċaw vittmi doppji ta’ din il-pandemija; tal-virus u tal-esklużjoni u għalhekk huma xtaqu jestendu l-id ta’ kuraġġ lejn l-anzjani.
It-Tnejn filgħodu tnieda dan il-filmat li tħejja kollu mill-istudenti fuq inizjattiva tal-Kunsill tal-Istudenti fi ħdan Savio College. Il-Kap tal-iskola, Fr Jeremy Vella, tkellem dwar kemm jinsab kburi li l-istudenti ma ħasbux fil-bżonnijiet tagħhom dan il-Milied imma f’dawk tal-anzjani li ħafna minnhom qed jesperjenzaw is-solitudni.
L-istudent Jamie Tonna tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar x’wassalhom biex iħejju dan il-filmat.
Tkellimna wkoll ma’ Gianluca Calleja li spjegalna r-rwol tiegħu f’dan il-filmat u li xtaqu jwasslu l-messaġġ lill-anzjani li huma wkoll ftakru fihom.
U għal Mikhail Bartolo Chircop, ukoll student ta’ Savio College, l-esperjenza tiegħu waqt li kienu qed jippreparaw dan il-filmat, kienet waħda ta’ ferħ speċjalment għaliex permezz tiegħu se jferrħu lill-anzjani, apparti li ħa gost anke jikkollabora ma’ sħabu.
Fr Charles Mallia, delegat tal-Arċisqof għall-Iskejjel tal-Knisja, sostna kif din is-sena l-lejl tal-Milied se jkun aktar silenzjuż minħabba ċ-ċirkostanzi li qegħdin fihom. “Forsi dan hu sinjal tajjeb però ma jfissirx li ninsew lil dawk l-aktar viċin tagħna però u li ma nistgħux narawhom speċjalment l-anzjani li jinsabu rikoverati l-isptar jew inkella fid-djar tal-anzjani.” Fr Mallia għamel referenza għad-diskors tal-Papa Franġisku dwar l-għaqda tat-tfal man-nanniet u kif jistieden lilna biex inkunu viċin ta’ xulxin u propju t-tfal ta’ Savio College hekk għamlu, attwaw ix-xewqa tal-Papa.
Attenda għat-tnedija tal-kartolina anke l-Minstru Michael Farrugia, responsabbli mill-anzjani u l-anzjanità attiva, li rringrazzja u faħħar lill-istudenti tal-inizjattiva tagħhom u talli qed ikunu ta’ eżempju għall-kumplament tas-soċjetà.
Tħabbar wkoll li din il-kartolina tal-Milied f’forma ta’ filmat se tkun qed titqassam fid-djar kollha tal-anzjani.