Filmat: “L-Istat ma jipproteġikx kontra reat minn suldat Amerikan” – Repubblika

Read in English.

L-għaqda Repubblika stqarret li l-Istat Malti ma jkunx jista’ jipproteġi liċ-ċittadini Maltin f’każ li jkun hemm reat imwettaq minn suldat Amerikan. Dan qalu l-kelliem tal-għaqda Repubblika Manuel Delia f’konferenza tal-aħbarijiet dwar il-proposta ta’ ftehim li dehret fil-midja magħrufa bħala SOFA (status of forces agreement).

Qal li wieħed ikun jista’ jikkummenta fid-dettall meta jara l-ftehim u mhux minn dak li ġie ppubblikat b’mod selettiv fil-midja.

Bħalissa f’Malta hawn is-Segretarju tad-Difiża Amerikan Mark Esper li jinsab f’taħditiet mal-Gvern Malti.

Ajruplani Amerikani jaslu Malta
Is-Segretarju tad-Difiża Amerikan jasal Malta

Fid-dawl ta’ dak li ħareġ, Manuel Delia spjega li l-Kostituzzjoni tobbliga li b’mod attiv Malta tfittex il-paċi u għalhekk stqarr li l-politika li tagħti status eċċezzjonali lil armata ta’ pajjiż u mhux ieħor ma timxix skont il-Kostituzzjoni.

Jekk suldat Franċiż itik daqqa ta’ sikkina jew jisraqlek id-dar il-Pulizija Maltija tista’ taġixxi, imma jekk dan ikun suldat Amerikan, l-istat ma jistax jipproċedi kontra tiegħu.

Fil-konferenza li saret fejn il-monument tal-Ħelsien fil-Birgu, Delia qal li Malta stat wieħed u indiviżibbli u għalhekk il-liġi tapplika għal kulħadd u kullimkien. Spjega li ma kienx l-istess qabel il-Ħelsien meta f’Pembroke u l-Imtarfa ma kinitx tapplika l-liġi Maltija minħabba l-bażi militari.

Għalfejn il-PL qed jibdel il-politika tiegħu?

Huwa staqsa wkoll għalfejn il-Partit Laburista qed jibdel il-politika li ilu jħaddan tul is-snin fejn ta eżempju ta’ meta fl-1991, il-PL iddikjara li suldati Amerikani ma jinżlux f’Malta u fl-1996, ma ppermettix li jissewwew vapuri Amerikani fit-Tarzna ta’ Malta.

Repubblika

X’inhi l-pożizzjoni tal-President?

Repubblika qed tistaqsi wkoll għall-pożizzjoni tal-President George Vella dwar dak li ġie żvelat minħabba li l-għaqda qalet li Vella kellu karriera twila li fiha pproteġa dan id-dritt. Manuel Delia fakkar f’dak li ngħad fil-Parlament fit-30 ta’ Novembru 2011 u fit-12 ta’ Ġunju 2011. Qal li dakinhar Kelliem tal-Oppożizzjoni Laburista għall-Affarijiet Barranin George Vella kien tkellem dwar il-Wiki Leaks li fihom kien ġie żvelat li l-Gvern Malti kellu taħditiet dwar l-arranġament SOFA. Vella kien stqarr li din azzjoni li teħtieġ il-Parlament.

Filmat: Repubblika