Filmat: “L-Istat m’għandux jillegalizza l-kannabis biex jintgħoġob” – Fundatur OASI

Il-fundatur tal-Fondazzjoni Oasi, Dun Manwel Cordina, saħaq li l-Istat għandu jinvesti fir-riċerka tat-300 kannabinojdi tajbin li fiha l-kannabis u mhux jillegalizzaha biex jintgħoġob ma' sezzjoni ta' nies fis-soċjetà. Tenna li d-deċiżjoni għandha tkun ibbażata dwar jekk tagħmilx ħsara jew le. 
Waqt il-programm Follow-Up Perspettiva fuq RTK, Dun Manwela insista dwar studji tal-kannabis fil-laboratorji, biex tkun aktar aċċessibbli medikament. 
Parti mid-diskussjoni kien hemm ukoll it-tabib Andrew Agius u Leon Madden mill-Caritas, li wara li ħareġ mill-vizzju tad-droga, iddedika ħajtu biex jgħin lil dawk li għaddejjin mill-istess trawma. 
Jaqblu li għandha tintuża għal skopijiet mediċinali
Għalkemm l-opinjonijiet tat-tliet mistiedna varjaw xi ftit minn xulxin, ilkoll qablu li l-kannabis għandha titħalla tintuża għal skopijiet mediċinali.
Dun Manwel saħaq li għalkemm minnha nnifisha l-kannabis tirrilassa lil dak li jkun, jekk tintuża mingħajr kontroll għall-użu personali, l-effetti sekondarji tagħha jagħmlu ħafna ħsara.
Hu sostna li meta toħroġ liġi, wieħed irid joqgħod attent għas-semantika tagħha. Ma jaqbilx mad-dekriminalizzazzjoni tal-kannabis, u jistaqsi x'se jżomm lill-individwu biex ma jużahiex, jekk ma jkunx qed jagħmel att kriminali. 
Dun Manwel temm jgħid li jekk il-kannabis tiġi legalizzata, iż-żgħażagħ mhux se jżommu lura u se tkun tista’ tintuża bl-addoċċ.
Għalkemm jaqbel li ħadd m’għandu jmur il-ħabs għax jinqabad jużaha jew jiddependi fuqha, dan lanqas m’għandu jingħata blank cheque mis-soċjetà.
"Il-liġi xekklet ir-riċerka" – Dr Agius
Min-naħa tiegħu, Dr Agius saħaq li l-liġi fl-2015 saret b’mod li tirristretta l-użu mediċinali  tal-kannabis, u li dan ixekkel il-ħidma u l-possibilità ta’ riċerka biex tintuża għal dan l-iskop.
"Użu bla limitu tal-kannabis iwassal għall-kanċer fil-griżmejn"
Dun Manwel irrefera għal riċerka li saret mill-Fondazzjoni Brittanika għall-Pulmun (BLF), li tgħid li l-użu personali bla limitu tal-kannabis jikkaġuna kanċer fil-griżmejn.
Skont il-BLF, tliet joints kuljum jistgħu jikkawżaw ħsara fil-pulmun daqs pakkett ta’ 20 sigarett u li l-qatran ta’ dawn il-joints hu tossiku 50% aktar mit-tabakk ta’ sigaretti normali.
"Hi l-bidu ta' sqaq ikrah" – Caritas
Leon Madden mill-Caritas qal li l-klijenti kollha jiddeskrivu l-kannabis, bħala dik is-sustanza, li għalkemm mhix b'saħħitha daqs sustanzi oħrajn, hi l-bidu ta' sqaq ikrah. 
Żied jgħid li minkejja l-Caritas tibqa' kontra l-użu tal-kannabis għax tagħmel ħsara lill-individwu li jeħodha, taqbel unanimament li din tintuża għal skopijiet mediċinali.