Filmat: Tifla bis-senter fost l-illegalitajiet miġbuda mill-Birdlife

Tifla żgħira dehret iżżomm is-senter f’waħda mill-għelieqi fiż-żona tal-Miżieb. Din kienet waħda minn għadd ta’ illegalitajiet li Birdlife innutat fil-jiem li l-kaċċa tar-rebbiegħa kienet miftuħa mill-10 sat-30 ta’ April.

Dan il-filmat ġie ppubblikat mill-Birdlife aktar kmieni llum u fih jidhru l-illegalitajiet l-oħra.

“L-istaġun infetaħ bħala paraventu għall-kaċċa illegali” – Birdlife

Birdlife Malta qalet li d-deroga biex tiġi kkaċċjata s-Summiena fir-rebbiegħa ntużat bħala paraventu għall-kaċċa illegali fuq il-Gamiem. Fi stqarrija, Birdlife qalet li r-riżultati tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta’ din is-sena li se jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea biex turiha kif żdiedet il-kaċċa illegali fuq il-Gamiem.

Fost irriżultati li ġew elenkati kien hemm:

  • Aktar minn 167 illegalità osservati minn medja ta’ żewġ timijiet ta’ BirdLife Malta tul l-istaġun mifrux fuq tliet ġimgħat
  • Total ta’ 50 għasfur protett ferut jew maqtul miġbura, li 18 minnhom kienu Gamiem
  • Żieda qawwija fuq it-12 li nġabru fl-2019 u aktar mill-aħħar tliet staġuni tal-kaċċa fir-rebbiegħa magħdudin flimkien
  • 65% tal-kaċċaturi osservati jikkaċċjaw għallGamiem, b’21% biss ġenwinament jikkaċċjaw għas-Summien
  • Preżenza tal-pulizija nnutata biss fi 11% tal-postijiet magħrufin għall-kaċċa
  • Skont statistika tad-WBRU, 86% ta’ dawk li nħarġitilhom il-liċenzja lanqas iddikjaraw li qabdu mqar Summiena waħda

Dawn ir-riżultati li qed jitħabbru llum minn BirdLife Malta flimkien ma’ filmat li jiġbor fil-qosor dak li kkaratterizza l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa 2020, li kien miftuħ bejn l-10 u t-30 ta’ April, issa se jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea.

Birdlife qalet li limitazzjonijiet minħabba l-kriżi tal-pandemija Covid-19 din is-sena ma ppermettewx li jkollhom voluntieri minn madwar l-Ewropa biex jingħaqdu mal-kamp annwali ta’ BirdLife Malta, Spring Watch, għas-sorveljanza tal-illegalitajiet.

Madanakollu ntqal li b’medja ta’ żewġ timijiet tul is-sigħat li fihom kienet permessa l-kaċċa xorta rreġistraw ’il fuq minn 167 illegalità tul l-istaġun ta’ tliet ġimgħat, li l-maġġoranza tagħhom kienu jinvolvu l-kaċċa illegali għall-Gamiem. Dawn kienu jinkludu l-użu ta’ metodi tal-kaċċa illegali bħal decoys tal-Gamiem u l-użu ta’ snieter modifikati li kapaċi jisparaw aktar minn tliet tiri konsekuttivi.

Tista’ ssegwi l-filmat sħiħ ippubblikat mill-Birdlife:

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn