Read in English.
L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma llum jagħlaq 57 sena. Dan huwa l-ewwel għeluq sninu minn meta sar Isqof f’Ġunju li għadda u għaldaqstant, Newsbook.com.mt iltaqa’ ma’ ħutu – Joe u Carmen, li qalu li minħabba l-pandemija tal-Covid-19 probabbli din is-sena ma jarawhx, għalkemm ikellmuh żgur.
“Jgħin fil-faċendi tad-dar u jaħdem l-għalqa ma’ missieru”
L-Isqof Teuma huwa l-kbir fost erba’ aħwa u Joe huwa sentejn iżgħar minnu filwaqt li Carmen hija seba’ snin iżgħar. Ħuh Joe saħaq li meta ħuh laħaq Isqof feraħ u nkwieta fl-istess ħin għax din il-kariga ġabet magħha responsabiltà kbira. Irrakkonta dwar il-bżulija ta’ ħuh u kif kienu jmorru flimkien jaħdmu l-għalqa ma’ missierhom.
Min-naħa tagħha, oħtu Carmen irrimarkat li l-Isqof kien jgħin ukoll fil-faċendi tad-dar u dak li jkun hemm bżonn.
Mons. Teuma, jew kif jippreferi hu – Dun Anton, iħobb il-futbol speċjalment il-klabb tal-Juventus, kif ukoll ix-xogħol manwali.
F’ittra pastorali, il-Kardinal Mario Grech kien iddeskriva lil Dun Anton bħala persuna ta’ qalb kbira “li tfawwar bl-imħabba lejna lkoll, partikolarment lejn dawk li huma ċkejkna fis-sens wiesa’ tal-kelma”.
L-Isqof huwa mill-parroċċa tax-Xagħra mix-xaqliba tan-Nazzarenu u huwa d-disa’ Isqof għad-Djoċesi ta’ Għawdex. Fil-formazzjoni saċerdotali tiegħu, huwa ħadem bħala welder u electrician fl-Awstralja u kiseb il-liċenzja taż-żewġ snajja’. Hu ġie ordnat saċerdot f’Ġunju tal-1988 mill-Isqof Nikol Cauchi. Wara l-ordinazzjoni tiegħu wettaq ħidma pastorali f’Ruma u mill-1997 beda jaħdem fl-qrib mal-komunità Għawdxija.
Nawguraw l-isbaħ xewqat lill-Isqof Teuma f’għeluq sninu!