Filmat: L-Isqof Scicluna jaqla’ barmil ilma bis-silġ

L-Isqof Charles J. Scicluna laqa’ n-nomina ta’ Steve Mallia, l-editur ewlieni ta’ The Times, biex jagħmel l-ALS Ice Bucket Challenge.
L-isfida saret fil-ġonna tad-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi, u preżenti kien hemm numru ta' residenti tad-Dar biex jaraw lill-Isqof jaqla’ barmil ilma bis-silġ. 
Frankie Bonello, wieħed mir-residenti tad-Dar, ingħata l-privileġġ mill-Isqof li jitfa' l-barmil ilma.
Fil-messaġġ tiegħu, l-Isqof Scicluna qal li huwa jappoġġja r-riċerka biex tinstab kura għal din il-marda, iżda appella biex ma jintużawx embrijuni umani fir-riċerka li ssir.  
Fid-dawl ta’ dan, l-Isqof għażel li joffri d-donazzjoni tiegħu lill-Hospice Movement li jieħdu ħsieb nies li jbatu mill-ALS u lid-Dar tal-Providenza, li laqatu għal din l-isfida.
L-Isqof Charles Scicluna nnomina lil Fr Joe Borg, ħabib tal-Isqof u espert tal-midja, Dr Tony Abela, Deputat Mexxej tal-Partit Laburista li kien mal-Isqof fil-kors tal-liġi fl-Università ta' Malta, u l-koppja Dr Marco Farrugia u l-mara tiegħu, Dr Ruth Farrugia.
Fi tmiem l-isfida, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, laqa’ l-isfida li saritlu mill-ġurnalista ta’Newsbook.com.mt, Catherine Aquilina, biex huwa wkoll jaqla’ barmil ilma bis-silġ biex jikber l-għarfien dwar din il-marda.
L-għan ta' din l-isfida hu li titqajjem kuxjenza dwar il-marda magħrufa fl-Ewropa bħala motor neuron disease.

Filmat: Reel8 Productions