Filmat: L-Isqof Grech jitkellem dwar “l-iskandlu ta’ Alla”

L-iskandlu ta’ Alla huwa li huwa twieled u sar tarbija biex iġarrab dak kollu li jġarrab il-bniedem skont l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech.

Mons. Grech qal dan fil-messaġġ tiegħu għall-Milied tal-2018, li qal li kien l-istess bħal dak il-messaġġ li l-anġlu ta’ Alla wassal lir-ragħajja f’Bethlehem. Skont l-Isqof, l-anġlu qal li kien se jitwieled salvatur mimdut f’maxtura.

Mons. Grech tkellem dwar l-imħabba materna ta’ Marija li uriet lil Ġesù – tarbija tat-twelid. Kompla jispjega li meta twieled, Marija geżwret lil Ġesù bil-faxex u ftit tas-snin wara kellha tara lil binha infaxxat minħabba l-ġrieħi li sofra meta ssallab. L-istess imħabba li Marija uriet lil Ġesù, Marija turi lill-bnedmin skont Mons. Grech.

L-Isqof ta’ Għawdex qal li ftit tal-ġimgħat ilu bdiet iċ-ċelebrazzjoni ta’ 400 sena minn meta l-kwadru tal-Madonna tpoġġa fis-Santwarju ta’ Pinu. Mons. Grech jixtieq li f’din is-sena, il-bniedem jesperjenza l-istess esperjenza li Ġesù kellu f’Bethlehem.

Filmat: GVP