Filmat: L-Isqof Grech jirrakkonta x’qallu l-Papa

Fl-ewwel intervista tiegħu bħala Prosegretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet l-Isqof Mario Grech irrakkonta ma’ Newsbook.com.mt kif huwa rċieva l-aħbar direttament mingħand il-Papa Franġisku.

Fl-uffiċċju tiegħu fil-Kurja Veskovili ta’ Għawdex, l-Isqof Mario Grech irrakkonta kif meta kien Lourdes għall-pellegrinaġġ Djoċesan li kien qed imexxi, ċempillu xi ħadd li qallu li kien is-segretarju privat tal-Papa Franġisku. F’dak il-ħin huwa ħaseb li kienet xi telefonata ċajta iżda malli sema’ lill-Papa induna li kien leħnu. Jistqarr li “l-vuċi tar-ragħaj” għarafha.

Ħassejtni qisni jien qed inċempel xi qassis u ngħidlu ‘irrid inkellmek’ u jgħidli ‘x’inqala’?’, u hekk ukoll ħassejt jien mal-Papa u staqsejt ‘x’inqala’?

L-ewwel ħaġa li l-Papa Franġisku qal lill-Isqof Grech fit-telefonata kienet ma kien hemm xejn ħażin. B’dan il-kumment, l-Isqof Grech jirrakkonta li serraħħlu moħħu.

Qalli ma kien hemm xejn ikrah imma nixtieq nisimgħek.

“Kilt ma’ Pietru”

L-Isqof Grech spjega li għall-ewwel darba kiel l-ikla mal-Papa Franġisku li fl-intervista ma’ Newsbook.com.mt sejjaħħlu “Pietru”. Irrakkonta kif bl-ikbar sempliċità, il-Papa Franġisku spjegalu li l-Kardinal Baldisseri, li huwa s-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, mistenni jirtira bl-età u għalhekk talbu biex jgħinu f’dan id-dekasteru.

L-Isqof Grech qal li f’dan il-mument tilef il-vuċi għaliex b’ebda mod ma kien qed jistenna din l-aħbar. Il-Papa qallu li huwa jaf x’jiġri fis-Sinodu iżda l-Isqof Grech waqqfu ftit u qallu li huwa jaf lilu nnifsu iżda n-nies f’dan id-dekasteru ma jafhomx. Stqarr li l-Papa qallu li huwa jaf il-limitazzjonijiet tiegħu u saħansitra qallu li mhuiex fl-altezza li jaqdi lill-Knisja b’dan il-mod. Il-Papa Franiġisku min-naħa tiegħu qallu jħalli f’idejh.

Wara diskussjoni mal-Papa, l-Isqof Grech aċċetta dan l-irwol wara li l-Papa qallu li kellu jagħtih risposta qabel is-Sinodu tal-Amażonja li mistenni jibda nhar il-Ħadd li ġej.

Ma’ Newsbook.com.mt, l-Isqof qal li kellu xewqa kbira li jmur għal dan is-Sinodu. Fisser kif permezz ta’ din il-ħatra huwa se jkun qed jipparteċipa fis-Sinodu għall-ewwel darba bħala Prosegretarju. Qal li b’dan li ġara juri “veru kif Alla għandu l-mod kif jaħdem”.

Filwaqt li se jkompli jmexxi s-Segretarjat tas-Sinodu tal-Isqfijiet il-Kardinal Baldisseri, l-Isqof Grech se jkun qed jassistih iżda wara s-Sinodu jibdew il-preparamenti biex jinħatar Segretarju Ġenerali.

Esklussiva: Il-Papa nnifsu kellem lill-Isqof Grech dwar il-kariga ġdida

L-Isqof Grech: Mill-RTK, għad-Djoċesi, għall-Vatikan

Tista’ tisma’ l-intervista sħiħa hawn: