Filmat: L-Isqof Grech jgħid x’se jagħmel wara l-kwarantina

Read in English.

L-Isqof Mario Grech iddeċieda li jmur joqgħod fis-Seminarju ta’ Għawdex hekk kif spiċċa l-kwarantina. Dan minħabba l-miżuri li daħlu fis-seħ mill-bieraħ biex ma jkunx ta’ periklu għall-ġenituri tiegħu. L-Isqof Grech kien intervistat minn Fr Joe Borg b’mod virtwali permezz ta’ Skype.

L-Isqof li għandu 63 sena qal li b’din id-deċiżjoni jkun iktar aċċessibbli għas-saċedoti u għan-nies. Huwa spjega li f’Għawdex ir-realtà hi li ħafna mill-kleru huma anzjani u għaldaqstant bid-direttivi, l-Isqof Grech jgħid li numru mhux żgħir ta’ qassisin se jkollhom jibqgħu d-dar. Fisser ukoll li hemm xi Kappillani li minħabba ċ-ċirkostanzi fid-djar tagħhom se jkollhom jagħmlu s-sagrifiċċji u jobdu d-direttivi.

Fid-dawl tal-anzjetà, għejja u t-tensjoni li kapaċi jkollhom dawn il-persuni milqutin b’dawn id-direttivi, l-Isqof Grech qal li trid tkun il-komunità li tkattar is-solidarjetà.

L-Isqof Grech qal li tul dawn il-jiem li fihom intensifikat il-pandemija, il-Maltin u l-Għawdxin urew verament min huma b’diversi sinjali ta’ ġenerożità.

Huwa qal li bagħat nota lill-Kappillani biex jerġgħu jwaqqfu d-djakonija parrokkjali. Dan billi jkun hemm persuni disponibbli biex jgħinu lil dawk fil-bżonn ta’ ħtiġijiet ta’ kuljum.

“Iċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa jdaħħluna f’qoxritna”

L-Isqof qal li ċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa jdaħħluna f’qoxritna. Huwa qal dan meta mistoqsi dwar każijiet ta’ abbuż domestiku li jistgħu jgħollu rashom hekk kif il-popolazzjoni qed tiġi mħeġġa ma toħroġx mid-djar.

Qal li f’dawn iċ-ċirkostanzi qed jittama li l-persuni jindunaw bl-aġir tagħhom u ma jżidux il-piż lil dawk li jkun hemm madwarhom.

Mistoqsi wkoll dwar l-aġir tal-Knisja li twaqqaf iċ-ċelebrazzjoniet fosthom tal-Quddies, tal-Magħmudija, Griżma u festi, l-Isqof Grech qal li għal bidu n-nies ħasbu li l-Knisja qed tabbandunahom. Fisser li hekk kif għaddew ftit jiem minn meta ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet il-poplu fehem li l-Knisja kienet obbligata tieħu anki mingħajr l-obbligazzjoni mill-istat.

Fisser ukoll li l-Quddiesa mhix talba għal-qassissin waħedhom iżda hija tal-komunità u kien għalhekk ukoll li twaqqfu b’mod temporanju.

Huwa stqarr li wieħed mill-punti pożittivi tal-esperjenza ta’ bħalissa hija dik li l-poplu għaraf li għandu għatx spiritwali. Stqarr li kieku ma ttieħdux ċertu miżuri kieku l-Knisja ma kinitx tintebaħ b’dan l-għatx. Huwa

Mistoqsi jgħid għaliex Alla ma jeqridx dan il-coronavirus jekk huwa Alla li jħobb, l-Isqof Grech qabbel dan mal-ġrajja fl-Evanġelju tal-Ħadd li għadda. Stqarr li dak li ġralu l-għami huwa biex tidher il-Glorja ta’ Alla. Fisser li wara li Ġesù fejjaq lill-għami, huwa mar ixandru mad-dinja.

Huwa qabbel dan mas-solidarjetà li qed tintwera bħalissa u anki mal-ħin li l-familja qed tqatta’ ma’ xulxin.

L-intervista sħiħa se tixxandar għada fil-programm Newsbook Hour fuq 103.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn