Filmat: L-Isqof Awżiljarju b’appoġġ għall-inizjattiva “Addotta anzjan”

Read in English.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi appoġġja l-inizjattiva konġunta ta’ Missio Malta u Newsbook.com.mt li tħeġġeġ lin-nies biex jaddottaw nannu jew nanna li jħossuhom waħedhom sabiex jgħinuhom iħossuhom aħjar.

L-Isqof qal lil Newsbook.com.mt, “Tweġġa’ meta tħossok waħdek.”

“Nemmen li din l-inizjattiva tgħolli l-moral ta’ dawk li jbati fis-solitudni. Grazzi lill-Missio u lil Newsbook talli ħasbu f’dawk li m’għollewx leħinhom, imma li sabu qalb ta’ ħbiberija permezz tas-servizz tagħkom,” qal l-Isqof Awżiljarju.

Huwa stqarr li l-anzjani huma sors għani fis-soċjetà li jipprovduha mhux biss bl-għerf u l-memorja, imma huma prova ħajja tat-teżor li hija l-ħajja. Żied jgħid li ż-żmien jaffettwa lin-nies b’mod differenti: uħud jibqgħu attivi filwaqt li oħrajn isiru fraġli u jitgħabbew bis-snin li jkunu għaddew minn fuqhom. Ħafna jkollhom is-sapport ta’ familja, iżda oħrajn isibu ruħhom waħedhom.

Għin lil dawk fil-bżonn

L-iskop ewlieni ta’ Missio Malta huwa li tiġbor il-flus għall-missjoni, imma kif Robert Farrugia, il-Kap tal-Komunikazzjoni u l-Ġbir ta’ Fondi fi ħdan Missio qal lil Newsbook.com.mt, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja fid-dinja bħalissa minħabba l-imxija tal-coronavirus, iddeċidew li jieqfu jiġbru l-flus, u minflok, iqajmu kuxjenza fuq li wieħed jieħu ħsieb lill-ieħor.

Farrugia qal li l-inizjattiva li wieħed jaddotta anzjan tipprova toħloq pont bejn dawk li jħossu l-bżonn li jaqsmu l-għożża u l-imħabba tagħhom ma’ ħaddieħor, u dawk li għandhom bżonn kuntatt u mħabba f’ħajjithom. Kompla jgħid li din l-inizjattiva mhix intenzjonata għal finijiet materjali, imma għandha tikkonsla lil dawk li jħossuhom waħedhom.

Farrugia qal ukoll li Missio hija kuntenta ħafna li qed tikkollabora ma’ Newsbook.com.mt fuq il-proġett.

Għal iżjed informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 21222001 jew jaċċessa s-sit elettroniku biex jirreġistra.