Filmat: L-Isptar Mater Dei se jkompli jaħdem bl-istess mod – Falzon

Read in English.

L-Isptar Mater Dei se jkompli jaħdem bl-istess mod li kien qed jopera qabel. Dan ikkonfermatu ma’ Newsbook.com.mt il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Celia Falzon.

Dalgħodu tħabbar li f’Malta hawn tifla Taljana li bħalissa qed tinżamm kwarantina minħabba li hija infettata bil-coronavirus il-ġdid, COVID-2019. It-tifla li għandha 12-il sena waslet lura Malta minn btala mal-familja f’Ruma nhar it-Tlieta. Il-Ħamis hi żviluppat sintomi li wasslu sabiex il-ġenituri tagħha jitolbu għall-għajnuna. Il-familja tagħha qed tinżamm kwarantina wkoll bħala miżura ta’ prekawzjoni. Hemm persuna oħra li qed tinżamm taħt kwarantina madatorja minkejja li t-testijiet għall-virus ħarġu negattivi. Dan hekk kif din il-persuna kienet ġiet f’kuntatt ma’ xi ħadd li kien infettat bil-virus.

Dr Falzon qalet li l-miżuri ta’ prekawzjoni neċessarji ttieħdu sabiex il-każ jiġi iżolat. Hi żiedet tgħid li l-pazjenti li laqqtu mard infettiv jingħataw il-kura fl-Isptar Mater Dei mingħajr problemi b’mod regolari. Falzon qalet li minkejja dan, huma qed iħeġġu lill-pubbliku sabiex jekk m’għandux bżonn jersaq lejn l-isptar ma jagħmilx dan.

Falzon qalet li bħalissa, l-istaff tal-Isptar Mater Dei qed ikun aktar strinġenti sabiex dawk li m’għandhomx bżonn l-assistenza immedjata ta’ sptar, ma jersqux ‘l hemm. Intant, qed iħeġġu lil dawk kollha li għandhom appuntament fid-Dipartiment tal-Outpatient jiġu akkumpanjati minn qarib wieħed biss. Intant, pazjent jista’ jkollu ħdejh biss sa massimu ta’ żewġ viżitaturi fl-istess ħin.

Intant, Falzon kompliet tgħid li l-iscreening li qed isir fil-portijiet Maltin jaf jiġi introdott ukoll fl-Isptar Mater Dei. Dan sabiex persuni li żaru pajjiżi fejn hemm riskju għoli u jitfaċċaw lejn l-isptar jgħaddu minn proċess ta’ screening. Qalet li din il-miżura għadha qed tiġi diskussa.

Intant, Dr Chris Barbara, iċ-Chairperson tal-Isptar Mater Dei, qal li l-awtoritajiet tas-saħħa żiedu l-għadd ta’ persuni li jgħaddu mill-proċess ta’ swabbing meta l-każijiet tal-virus żdiedu f’pajjiżi Ewropej viċin Malta. F’kumment ma’ Newsbook.com.mt, Dr Barbara spjega li aktar kemm żdiedu l-każijiet u ġew iktar fil-qrib, aktar inħass il-bżonn li jsir aktar swabbing. Intant, kull pazjent li jiddaħħal l-Isptar Mater Dei bi problemi respiratorji qed jiġi ttestjat awtomatikament għall-coronavirus.

Kummenti miġbura minn Monique Agius