Filmat: “L-Isla rriduha ssir żona turistika” – Clive Pulis

Is-Sindku elett fl-Isla, Clive Pulis, f’isem il-Partit Laburista, qal li bil-proġetti li għandhom ippjanati bħala Kunsill Lokali, se jkomplu jissieltu biex l-Isla ssir żona turistika.

Hu qal dan f’kumment ma’ Newsbook.com.mt wara li ħarġet l-aħbar li l-Kunsill Lokali tal-Isla intrebaħ mill-Partit Laburista. Pulis irringrazzja liċ-ċittadini kollha tal-Isla u ħeġġeġ lill-Kunsilliera kollha eletti sabiex flimkien ikomplu jaħdmu għal Isla magħquda.

Il-Partit Laburista għandu erba’ rappreżentati f’dan il-Kunsill. Dawn huma Joeline Attard, Anthony Bonavia, Corinne Buhagiar u Clive Pulis. Il-Partit Nazzjonalista eleġa kunsillier wieħed, Malcolm Gatt.

Aqra: Il-PN jirbaħ il-Kunsill Lokali tal-Munxar mill-PL

Illum l-aħħar ġurnata tal-għadd tal-voti tal-Kunsilli Lokali. Il-Kunsilli nqasmu fi tliet gruppi għall-għadd. Il-proċess beda nhar l-Erbgħa u jintemm illum, bl-aħħar 23 lokalita. Illum, il-voti li qed jingħaddu huma dawk mill-Munxar, is-Swieqi, Ħ’Attard, Ħal Qormi, in-Naxxar, il-Furjana, San Lawrenz, Ħal Luqa, l-Isla, il-Ħamrun, Ħal Għargħur, il-Mosta, il-Gżira, Ħal Kirkop, is-Siġġiewi, Santa Luċija, l-Imtarfa, il-Qala, iż-Żebbuġ, ix-Xgħajra, il-Birgu, Ħal Safi, u ta’ Kerċem.