Filmat: “L-iskola l-ġdida tagħna sabiħa daqs qawsalla” – tfal f’Marsaskala

It-tfal li bdew jattendu l-iskola primarja l-ġdida ta’ Marsaskala sostnew li hija sabiħa daqs qawalla. Dan wara li investimet ta’ €7 miljun wassal għall-ftuħ tal-bibien tagħha.

Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni ġie spjegat li fil-jiem li għaddew it-tmexxija tal-iskola u l-persunal klerikali bdew joperaw mill-iskola l-ġdida, u l-edukaturi ppreparaw il-klassijiet tagħhom sabiex ilbieraħ iżanżnu l-iskola l-ewwel 100 student tal-kidergarten. Intant, 200 student ieħor ta’ etajiet varji se jiġu rilokati l-ġimgħa d-dieħla.

L-iskola għandha daqs ta’ 6,000 metru kwadru, inkluż parkeġġ għall-karozzi taħt l-art b’daqs ta’ 2,000 metru kwadru. Din l-iskola se tkun qed tikkumplimenta l-iskola primarja eżistenti fl-istess lokal li se tibqa’ topera. L-inawgurazzjoni uffiċjali se ssir matul ix-xahar li ġej.