Filmat: L-iskema għar-restawr tad-djar Maltin terġa’ tirritorna

Il-Gvern ħabbar fond ta’ €10 miljun biex l-iskema Irrestawra Darek terġa’ tirritorna għat-tieni sena. 
Din is-sena l-budget għall-iskema żdied b’€2 miljun u l-iskema ġiet riveduta u ġew riservati fondi apposta għall-anzjani, għall-persuni b’diżabilità u għall-għaqdiet volontarji.
Il-Ministru Ian Borg tkellem dwar l-importanza li nipproteġu l-wirt arkitettoniku tagħna u rrefera għax-xogħol siewi tal-Awtorità tal-Ippjanar fejn jidħol skedar.
Saħaq li skemi bħal ‘Irrestawra Darek’ jgħinu biex dan jibda jitqies f’dawl aktar pożittiv minn residenti li għandhom dawn it-tip ta’ proprjetajiet.  
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius qal li wara s-suċċess tal-iskema fis-sena 2017, il-budget totali ġie miżjud bil-ħsieb li aktar nies igawdu minn ‘Irrestawra Darek’.
Irrimarka li l-fondi tal-iskema jiġu minn flejjes li l-Awtorità tal-Ippjanar tiġbor mill-iskema tar-regolarizzazzjoni u dan juri biċ-ċar li l-Gvern qed irodd lura fondi biex jgħin liċ-ċittadini li jixtiequ jinvestu f’darhom.
Fi stqarrija, l-Awtorità qalet li l-fondi għal din l-iskema huma disponibbli permezz tat-tariffi li ġew iġġenerati mill-applikazzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar. Dan il-proċess ta’ regolarizzazzjoni jipprovdi opportunità unika lil sidien ta’ propjetà biex jirregolarizzaw żviluppi eżistenti li mhumiex konformi mal-policies tal-ippjanar iżda jinsabu fil-konfini tal-iżvilupp.
Aktar informazzjoni dwar Irrestawra Darek tista’ titniżżel mis-sit elettroniku tal-Awtorità www.pa.org.mt.
Għal aktar informazzjoni cempel lill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni fuq +356 22902019