Filmat: L-iskart isseparat jerġa’ jitħallat

Filmat li rċieva Newsbook.com.mt juri żewġ persuni jiġbru boroż suwed u griżi tal-iskart minn triq f’Santa Venera u jitfgħuhom it-tnejn fl-istess trakk.

Il-persuna li bagħtet il-filmat qalet li dan ġara għall-ħabta tal-11.30 am illum.

Fil-bidu ta’ Novembru, NET News kien qal li “ammont konsiderevoli” ta’ boroż bl-iskart organiku kienu qed jitħalltu mal-boroż is-suwed meta kienu qed jinġabru mill-ħaddiema.

F’Novembru wkoll, l-eks Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea qalet li ritratt meħud fil-lokalità tagħha “jitkellem waħdu dwar is-suċċess” tal-iskema tal-ġbir ta’ skart.

70% tad-djar f’Malta u Għawdex irċivew il-kaxxi taż-żibel qabel ma tibda s-separazzjoni tal-iskart organiku. Dan ikkonfermah il-Ministru għall-Ambjent José Herrera f’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt. Fi stqarrija, Wasteserv qalet li tqassmu aktar kaxxi, lil aktar minn 60% tad-djar. 

Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera qal li s-sistema ta’ barcoding tinvolvi piż li għalissa hu kbir wisq għas-sistema preżenti ta’ ġbir ta’ skart. Hu qal li dan jagħmlu aktar diffiċli minħabba l-iżviluppi riċenti li seħħu fil-ġbir ta’ skart, fosthom l-introduzzjoni tal-ġbir tal-iskart oganiku b’mod separat.

Hu tenna li la l-Kunsilli Lokali u lanqas il-kolletturi m’huma attrezzati biex tkun introdotta s-sistema ta’ barcoding. Herrera qal li għalissa għandha l-ewwel titħalla tindara s-sistema u tistabbilixxi ruħha qabel ma ssir eżaminazzjoni biex potenzjalment tiddaħħal s-sistema ta’ barcoding.

Dan qalu wara li kien mistoqsi mill-Membru Parlamentari Rosianne Cutajar, jekk jikkunsidrax li l-boroż taż-żibel ikunu barcoded biex tkun tista’ tiġi infurzata l-liġi għal min joħroġ il-boroż fi ġranet jew ħinijiet mhux korretti.