Filmat: L-iscouts jilbsu ta’ supereroj u jżuru lit-tfal fl-isptar

Żmien il-btajjel huwa dejjem żmien sabiħ għat-tfal, li wiċċhom jixgħel mal-aħbar li m’għandhomx skola, u jixgħel bil-wisq aktar meta jaqilgħu xi bajda jew figolla f’dan iż-żmien tal-Għid. Iżda mhux it-tfal kollha titbissmilhom ix-xorti bl-istess mod, peress li xi wħud qegħdin iqattgħu l-btajjel fl-iswali tal-isptar minħabba mard. L-iscouts tal-Mosta raw li dawn it-tfal xorta waħda jkollhom Għid sabiħ billi tawhom sorpriża ħelwa f’Sibt il-Għid, u ttawlulhom mit-twieqi tas-swali tagħhom huma u jixxabbtu mal-ħitan barra, daqslikieku huma supereroj.

Batman, Spiderman, Wonderwoman u Robin kollha żaru lit-tfal li bħalissa jinsabu fl-Isptar Mater Dei. L-ewwel ixxabbtu mal-ħitan ta’ barra u ttawlulhom minn ġot-twieqi, u mbagħad daħlu ġos-swali tagħhom u tawhom pupi meħjutin minn Craft & Hobby for Charity.

Kelliem għall-iscouts qal li din hi r-raba’ darba li qegħdin jorganizzaw l-attività Hospital Heroes, li hi l-favorita tagħhom fost l-attivitajiet li jħejju għat-tfal, peress li biha jirnexxilhom iferrħu lit-tfal li jħossuhom iddispjaċuti għax l-Għid ikunu se jqattgħuh fl-isptar. Newsbook.com.mt kien preżenti biex jara s-sorpriża u l-ferħ ta’ dawn it-tfal meta jilmħu lis-supereroj favoriti tagħhom jittawlulhom minn ġot-twieqi u jagħtuhom rigal.

L-Għid it-Tajjeb lil kulħadd.