Filmat: “L-irwol tal-midja importanti fil-ġlieda kontra l-lingwaġġ ta’ mibegħda”

Il-midja għandha rwol importanti fil-ġlieda kontra l-lingwaġġ ta’ mibegħda, hekk stqarret ma’ Newsbook.com.mt Marija Andreeva mill-OHRID Institute for Economic Strategies and International Affairs fil-Maċedonja. Andreeva kienet f’Malta biex tindirizza laqgħa ta’ konsultazzjoni mtellgħa mill-għaqda mhux governattiva SOS Malta. Din il-laqgħa ġiet organizzata dalgħodu f’Dar l-Emigrant il-Belt.

F’kumment li tat lil Newsbook.com.mt Marija Andreeva spjegat l-irwol li midja għandha biex il-problema tal-lingwaġġ ta’ mibegħda tiġi indirizzata. Saħqet li l-midja tista’ tkun b’saħħitha ħafna biex tispira u tinkoraġġixxi liż-żgħażagħ u l-pubbliku ġenerali biex jirrapporta każijiet fejn jintuża lingwaġġ ta’ mibegħda kontra persuni oħra. Sostniet li l-midja tista’ sservi biex teduka l-pubbliku, tippromwovi prattiċi tajba u stejjer ta’ suċċess. Kompliet tispjega kif il-midja għandha rwol importanti biex tipproteġi l-libertajiet tal-persuna, hekk ukoll għandha rwol biex tiġġieled il-lingwaġġ ta’ mibegħda.

Waqt il-laqgħa konsultattiva, Andreeva tkellmet dwar il-prattiċi u l-miżuri li qed jitħaddmu fil-Maċedonja kontra l-użu tal-lingwaġġ ta’ mibegħda. Ma’ Newsbook.com.mt hi saħqet li fortunament l-istituzzjonijiet qed jagħrfu li hemm bżonn li l-problema tiġi indirizzata minn aspetti differenti u jittieħdu miżuri differenti. Andreeva tkellmet ukoll dwar l-importanza li l-istituzzjonijiet differenti jaħdmu flimkien biex il-problema tiġi indirizzata. Hi saħqet ukoll dwar il-bżonn li jkun hemm definizzjoni ċara ta’ x’jikkostitwixxi lingwaġġ ta’ mibegħda biex b’hekk din tkun tista’ tiġi indirizzata f’kull livell tas-soċjetà.

Alexander Hili minn SOS Malta spjega kif ir-rapport ippreparat iħares lejn il-liġi nazzjonali u kif qed titħaddem f’Malta f’każijiet fejn ikun hemm lingwaġġ ta’ mibegħda. Huwa spjega kif bħala għaqda qed jipproponu kif il-liġi eżistenti tista’ tittejjeb. Saħaq fuq l-importanza li jkun hemm iktar edukazzjoni u diskussjoni mingħajr ma wieħed ikollu għalfejn juża lingwaġġ ta’ mibegħda.