Filmat: “L-irwol fil-politika qatt ma żammni milli nikteb” – Alfred Sant

L-eks Prim Ministru Alfred Sant stqarr li l-irwol politiku tiegħu, minn Mexxej tal-Partit Laburista, għal Prim Ministru, għal Kap tal-Oppożizzjoni, għal Membru Parlamentari Ewropew, qatt ma żammu milli jikteb ċerti affarijiet. Sant għadu kemm rebaħ il-Premju Nazzjonali għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Letteratura, mogħti lilu mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Waqt intervista ma’ Newsbook.com.mt, Sant ġie mistoqsi fuq ir-reazzjoni tiegħu għal dan il-premju. Qal li tah lok biex jirrifletti fuq il-karriera tiegħu bħala kittieb, fuq x’kien il-proġett ewlieni tiegħu, u jekk inbidilx tul is-snin.

Rigward jekk l-irwoli tiegħu bħala kittieb u bħala politiku qatt jinħassux kunfliġġjenti, Sant qal li jrid jagħmel distakk bejn il-ħajja pubblika u dik letterarja, iżda xi drabi dan ikun impossibbli, pereżempju meta jkun qed jikteb fuq żminijiet ta’ twegħir politiku, bħat-tmeninijiet jew id-disgħinijiet. Madankollu stqarr li l-irwol politiku tiegħu qatt ma kien ta’ xkiel għall-kitba.

Semma, iżda, episodju, waqt it-tnedija tal-ktieb Fil-Parlament Ma Jikbrux Fjuri ta’ Oliver Friggieri fl-1986, meta hu kien mistieden fuq il-panel. Huwa ħaseb li kien mistieden bħala kittieb, u ħejja diskors kritiku fuq ir-rumanz. Dak iż-żmien kien jokkupa l-kariga ta’ President tal-Partit Laburista, u diskorsu tqies li kien kritiku minħabba l-qagħda tiegħu fil-politika, u mhux mil-lat ta’ letteratura.

“Kelli x-xewqa li nikteb qabel kont naf l-alfabett”

Alfred Sant beda jikteb ta’ età żgħira, u ppubblika l-ewwel rumanz tiegħu, L-Ewwel Weraq tal-Bajtar, li kitbu meta kellu 19-il sena, fl-1968. Dan iqisu r-rumanz taż-żgħorija tiegħu. Qal li beda jikteb qabel kien jaf l-alfabett, peress li kien diġà jħażżeż fuq il-pitazzi. Irrakkonta kif missieru kien jaqra lilu u lil ħutu ħafna stejjer, u hemm nibtet ix-xewqa li jikteb l-istejjer tiegħu stess, joħloq in-nisġiet letterarji tiegħu.

Illum il-ġurnata għadu jikteb, u jikteb l-iżjed il-proża. It-teatru m’għadux jinteressah daqshekk, minkejja li huwa magħruf ħafna għad-drammi tiegħu, fosthom Min Hu Evelyn Costa? u Qabel Tiftaħ l-Inkjesta. Sant qal li jħobb iħalli ċertu żmien jgħaddi meta jikteb, ma jħobbx jikteb ta’ kuljum.

L-Ewwel Weraq tal-Bajtar kienet ġiet iċċensurata r-ripetizzjoni tal-qari tiegħu fuq ir-Rediffusion, iżda Sant ma jemminx fiċ-ċensura. Qal li llum definittivament m’hawnx lok għaliha. Iħoss li għandu jkun hawn ħelsien sħiħ fuq dak li jintqal u jinkiteb, u japplikaw limiti biss għal diskors ta’ mibegħda, jew diskors li jitqies offensiv lejn ħaddieħor, pereżempju jekk ikun diskors kontra r-reliġjon li joffendi lil min iħaddan dik il-fidi.

Madankollu, jispjega li l-kittieb bilfors ikollu jiċċensura lilu nnifsu kultant, meta jqis x’impatt dak li kiteb jaf ikollu fuq ħaddieħor.

“Nemmen fil-kitba bil-Malti”

Dr Sant insista fuq l-użu tal-Malti, u qal li jrid jintuża fil-forom kollha tiegħu. Fisser li hu jemmen fil-kitba bil-Malti, u ma jaqbilx mal-bdil tal-kodiċi, jiġifieri taħlita ta’ Malti u Ingliż fil-kitba, minkejja li ħafna Maltin jitkellmu hekk. Fil-fehma ta’ Sant, il-letteratura, anke t-teatru, m’għandhiex neċessarjament tkun riproduzzjoni tal-ħajja vera. Jaqbel li din għandha tirrifletti xi jkun għaddej fil-pajjiż, iżda jemmen f’ċerta artifiċjalità fil-letteratura wkoll.

Stqarr li fil-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew, ġieli jiltaqa’ ma’ xi diffikultajiet ta’ kif se jgħid jew jikteb ċerti affarijiet tekniċi, pereżempju ekonomiċi, b’Malti tajjeb.

Mil-lat tat-traduzzjoni tal-letteratura Maltija, il-kittieb qal li jħoss li Malta għadha lura, peress li għad ma kienx hemm djar tal-pubblikazzjoni Ingliżi kbar li ppubblikaw traduzzjonijiet ta’ kotba Maltin. Qal li ma jemminx li din hi kwistjoni taċ-ċokon ta’ Malta, peress li l-Iżlanda għandha populazzjoni inqas minn ta’ Malta, iżda għandha suq b’saħħtu tat-traduzzjoni.

Alfred Sant, iżda, wera pożittività fuq il-qagħda tal-letteratura Maltija llum. Qal li hu inkoraġġanti jara lil iżjed żgħażagħ jiktbu, u anke jara lil awturi kontemporanji bħal Immanuel Mifsud, Alex Vella Gera u Clare Azzopardi jiftħu tieqa ġdida fuq kif inħarsu lejn Malta.

Iffilmjar: Sarah Salafia
Editjar: Miguela Xuereb