Filmat: “L-Ippjanar Intelliġenti hu ċ-ċavetta għas-sostenibbiltà” – il-Ministru Farrugia

Read in English.

Il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar ħabbar it-tnedija tal-Forum Konsultattiv għall-Ippjanar Intelliġenti, li se jkun qed jiġbor numru ta’ stakeholders fl-oqsma tal-iżvilupp, tal-ippjanar u tal-ambjent. L-għan aħħari se jkun li joħroġ bi proposti medium u long-term f’oqsma li jeħtieġu attenzjoni immedjata b’rispett sħiħ lejn il-kunċett ta’ pjanar intelliġenti f’pajjiżna.

“Tul l-aħħar ġimgħat smajna kemm-il darba li l-ekonomija mhux se tibqa’ l-istess wara l-pandemija COVID-19. Dan is-sentiment ġie diskuss minn diversi esperti, stakeholders, akkademiċi, nies fin-negozju u l-poplu sija fuq bażi lokali u anke globalment. Il-messaġġ aħħari hu wieħed ta’ tama, filwaqt li qed tintalab bidla”, saħaq il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.

“Għalkemm is-settur tal-kostruzzjoni hu wieħed kruċjali għall-iżvilupp tal-ekonomija ta’ pajjiżna, fejn dan joħloq il-ġid u jimpjega eluf ta’ nies, dan xorta waħda ma jistax jitħalla jopera mingħajr limiti. L-Ippjanar Intelliġenti hu ċ-ċavetta għas-sostenibbiltà – u l-kwalità – tal-ekonomija tagħna. Wasal iż-żmien li nibdew niġġeneraw aktar xogħlijiet u aktar ġid permezz ta’ metodi intelliġenti ta’ pjanar. Ninsab kunfidenti li jekk ningħaqdu kollha flimkien, kapaċi nilħqu riżultati tajbin ħafna. Inħares ’il quddiem li niżguraw li pajjiżna ‘Builds Back Better’,” qal il-Ministru Farrugia.

L-ewwel mandat ta’ dan il-forum, li ltaqa’ għall-ewwel darba lbieraħ, hu li jidentifika l-iktar materji pertinenti fil-qasam tal-ippjanar f’Malta u jiżviluppa proposti f’dan ir-rigward. Hu mbassar li l-ewwel xogħol ta’ dan il-forum għandu jkun lest fi tliet xhur. ’Il quddiem, il-Forum se jkompli jindirizza aktar materji u sfidi li huma long-term.