Filmat: L-inugwaljanza, mhux id-differenza, tagħmel il-ħsara – Grech

Milied Flimkien

Messaġġ fl-okkażjoni tal-kampanja Milied Flimkien

Posted by Bernard Grech on Saturday, December 19, 2020

Read in English.

Fil-messaġġ tiegħu għall-okkażjoni tal-kampanja Milied Flimkien, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għażel li jiċċelebra d-differenzi li jinsabu f’soċjetà, kif ukoll l-importanza li dawn id-differenzi – anke dawk fl-opinjoni politika – jiġu rrispettati.

Fid-diskors tiegħu, Grech qal li l-ħajja sabiħa għax imżewqa bi lwien differenti u qal li bl-istess mod, il-ħajja soċjali sabiħa għax magħmula minn bnedmin differenti. Però, skont Grech, il-ħajja soċjali tista’ titkisser meta ma jkunx hemm rispett lejn id-dinjità umana.

“Mhux id-differenza tagħmel il-ħsara, imma l-inugwaljanza. Li aħna l-bnedmin m’aħniex l-istess, xejn ma jimporta, anzi aħjar. Imma li ma nkunux indaqs, jimporta ħafna għax ikun hemm min qed ibati,” qal il-kap tal-Partit Nazzjonalista.

Grech innota kif kien hemm żmien fejn differenzi fil-ġeneru u orjentazzjoni sesswali kien ta’ żvantaġġ kbir biss għax persuni kienu jqisuk bħala mhux normali u inqas minn ħaddieħor, u wera l-apprezzament tiegħu li qed isir sforz biex kulħadd igawdi d-drittijiet ugwali. Innota wkoll li f’ċertu pajjiżi kulur tal-ġilda jew razza differenti kien iwassal għal restrizzjonijiet estremi, u żied li għalkemm dawn l-affarijiet ma seħħewx Malta, ma jfissirx li m’hemmx elementi ta’ razziżmu.

“Fil-kuluri politiċi nistgħu wkoll noħolqu distinzjonijiet bla bżonn. Ma nistgħux nippretendu li kulħadd ikollu l-istess kulur politiku,” qal Grech. “Allaħares kien hekk, għax kieku ma jistax ikollna demokrazija li tiggarantixxi l-libertà.”

Dan, żied jgħid Grech, “jgħodd għal kull forma oħra ta’ differenza, ibda mir-reliġjon u spiċċa mill-pajjiż li minnu ġej, jew f’liema naħa ta’ Malta toqgħod. Hawn ukoll wieħed jista’ jaħseb b’mod żbaljat u nġust, li hemm religjon aħjar minn oħra, pajjiż aħjar minn ieħor, u lokalità aħjar minn oħra, meta mhu veru xejn għax kull ħaġa għandha s-sabiħ tagħha.”

Il-Milied, fakkar Grech, kienet festa ta’ għaqda, u l-messaġġ tal-Milied kien messaġġta’ paċi għall-bnedmin kollha u appell biex il-bnedmin jingħaqdu.

“Ġesù Bambin, l-Iben t’Alla, fil-għar fejn twieled laqa’ lir-ragħajja, ħaddiema foqra u l-magi sinjuri li kienu barranin u ġew mill-bogħod, biex jurina, li inti min int, inti x’int u int minn fejn int, int daqs ħaddieħor, u għandek postok fis-soċjetà, biex bik il-ħajja tkun imzewqa u sabiħa,” qal Grech.

Fakkar ukoll li l-Milied hi festa ta’ tama, tama li hemm tant bżonnha f’sena ta’ sfidi li ħadd ma kien qed jobsor li se jaslu.

“Tama li x-xhur li ġejjin jerġgħu jarawna ngħixu ħajjitna bl-aqwa mod, però li sa dakinhar irridu nibqgħu nħarsu saħħitna u saħħet dawk ta’ madwarna. Il-Milied jgħallimna nagħrfu d-differenzi ta’ xulxin u naċċettawhom u nirrispettawhom, biex ningħaqdu, nikbru flimkien u nagħmlu soċjetà aħjar u pajjiż isbaħ,” ikkonkluda Grech.