Filmat: “L-Inkjesta Pubblika għandha biżżejjed żmien” – il-PM

Repubblika ssejjaħ l-estensjoni ta’ darba bħala skandaluża

Il-Prim Ministru qal li huwa ntalab jestendi t-terminu tal-inkjesta ġimgħa wara li skada t-terminu. Qal li permezz tal-estensjoni jaħseb li hemm żmien biżżejjed biex titrssaq ix-xhieda rilevanti.

Spjega li huwa ddeċieda li jestendi dan it-terminu għal darba waħda biss. Fis-seduta tal-ġimgħa li għaddiet sar magħruf li l-Inkjesta Pubblika kellha l-mandat tagħha estiż sal-15 ta’ Diċembru.

F’kummenti lill-ġurnalisti wara laqgħa man-negozjanti fil-Belt Valletta, il-PM qal li jaħseb li hemm żmien biżżejjed biex titressaq ix-xhieda kolla “rilevanti”.

Il-PM fisser li kif kien ġie mgħallem fl-Università mill-membri tal-bord tal-Inkjesta Pubblika stess, irid jiġi aċċertat li x-xhieda kollha li titressaq tkun rilevanti u mmeritat fil-każ.

L-estensjoni ta’ darba: “skandaluża, bla bżonn u mhux fl-interess tal-ġustizzja” – Repubblika

L-għaqda Repubblika qalet li l-estensjoni ta’ darba għall-Inkjesta Pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia hija skandaluża, bla bżonn u mhux fl-interess tal-ġustizzja.

Repubblika fakkret kif l-inkjesta qed tfitter li tiddetermina xi rwol kellu l-istat immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat fl-assassinju ta’ Daphne.

Repubblika sejħet l-estensjoni ta’ darba bħala tentattiv biex tfixkel milli toħroġ il-verità.

L-istqarrija ttemm tgħid li t-tfittxija għall-verità m’għandhiex tkun kostretta u qalet li bħala għaqda qed timpenja ruħha li tagħmel dak kollu li tista’ biex issir ġustizzja ma’ Daphne, il-familja tagħha u ma’ kulħadd.