Filmat: L-influwenza u s-saħħa li għandha l-midja soċjali

FTAKRU - Charisse Ann Vassallo

Mil-lum se nibdew naqsmu magħkom ħsieb ċkejken dwar il-kanzunetti finalisti kif ukoll silta żgħira. Nibdew minn Charisse Vassallo u l-kanzunetta FTAKRU. Ftakru - Charisse Ann Vassallo (Emil Calleja Bayliss, Mark Scicluna)

Posted by L-Għanja Tal-Poplu on Tuesday, August 18, 2020

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru se tittella’ l-44 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu f’xandira diretta fuq TVM.  Il-mistieden speċjali ta’ dan il-festival se jkun Philip Vella li rebaħ il-festival tas-sena li għaddiet. Il-preżentaturi tal-festival huma l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina.

Kuljum f’dan l-ispazju se ssibu tagħrif fuq kull kanzunetta parteċipanta.

Isem tal-kanzunetta: Ftakru

Kantanta: Charisse Ann Vassallo

Kliem: Emil Calleja Bayliss

Mużika: Mark Scicluna

Il-kanzunetta Ftakru tittratta l-influwenza u s-saħħa mmensa li llum il-ġurnata sar għandha l-midja soċjali fuq ħajjet il-bniedem speċjalment dik taż-żgħażagħ. Din il-kanzunetta hi waħda introspettiva li ġġiegħel lis-semmiegħ jirrealizza kemm qiegħed jinħela ħin fuq il-midja soċjali, fuq affarijiet superfiċjali bħall-ammont ta’ kummenti fuq ritratt li nitfgħu, kif ukoll kemm qegħdin ninqatgħu mill-ħajja reali. Tajjeb li nagħrfu dan kollu u nieħdu l-opportunità li ngawdu ħajjitna għax it-tmun jinsab f’idejna.

Ritratt: Joseph Agius Attard

Charisse Vassallo għandha 16-il sena. Għadha kemm spiċċat l-aħħar sena tal-iskola sekondarja u ftit xhur oħra se tibda l-iskola postsekondarja fejn se tkompli tistudja l-bijoloġija u l-kimika għaliex minn età żgħira dejjem kellha x-xewqa li ssir tabiba. Ilha tkanta minn meta kellha għaxar snin iżda bdiet tieħu l-kant b’iżjed serjetà meta kibret daqsxejn iżjed u llum il-ġurnata għandha xewqa kbira li tista’ wkoll tkompli b’karriera fil-kant apparti dik fil-mediċina.

L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu 2020 qed jittella’ b’differenza biex l-organizzaturi jimxu mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.