Filmat: L-indafa sfida fil-Kalkara; pjan ta’ restawr – is-Sindku

Is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina qal li l-indafa hija waħda mill-isfidi li taffaċċja l-Kalkara. Għandu wkoll l-ambizzjoni li jwettaq pjan ta’ ħidma li jinkludi r-restawr tal-Forti Rikasli.

Aquilina, li kien kandidat tal-Partit Laburista, qal dan lil Newsbook.com.mt waqt intervista dwar l-esperjenza tiegħu bħala Sindku ġdid u dwar il-lokalità tal-Kalkara. Hu qal li s’issa l-eperjenza tiegħu kienet waħda pożittiva ħafna. Spjega li kull ġurnata tkun differenti – ikun hemm residenti li jkolhom is-suġġerimenti tagħhom filwaqt li min-naħa tiegħu għandu pjan li jixtieq iwettaq.

Aquilina qal li f’dawn il-ħames snin li ġejjin se jkun qed jistinka biex iwettaq il-proposi li ġew kemm mill-Partit Laburista kif ukoll dawn tal-Partit Nazzjonalista. Fost l-affarijiet li qed jaħdem fuqhom, Aquilina semma l-proġett ta’ riġenerazzjoni tax-xatt tal-Kalkara, ir-riġenerazzjoni tal-bajja tar-Rinella, u r-restawr tal-Forti Rikasli. Diġà bdew isiru xi laqgħat dwar dawn il-proġetti.

Sfida li qed jaffaċċja Aquilina hija l-indafa tal-lokalità. Spjega li l-akbar nefqa tal-Kunsill hija f’dan il-qasam ukoll. Appella lir-residenti biex iżommu r-raħal tagħhom nadif.

Aquilina qal li jekk isiru l-proġetti kollha li huma ppjanati, aktar nies jersqu lejn il-Kalkara. B’hekk frott is-suċċess li jkun inkiseb, jinħolqu sifidi ġodda bħal problemi ta’ parkeġġ.Hemm żgħażagħ li diġà qed qed isibuha diffiċli biex isibu post fejn jgħixu fil-Kalkara.

Aquilina spjega li l-problemi ta’ parkeġġ diġà żdiedu, però jemmen li s-sitwazzjoni mhix gravi daqs kif qiegħdha f’żoni oħra.

Kwistjoni li tħasseb lis-Sindku kontinwament hi dwar it-tniġġis tal-baħar u r-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni. Skont Aquilina, ir-residenti huma nkwetati dwar dawn l-affarijiet ukoll. Spjega li diġà tkellem mal-awtoritajiet dwar ċertu perikli għas-saħħa u qed jaħdem biex tinstab soluzzjoni.

Min huma l-membri tal-Kunsill Lokali tal-Kalkara?

Sindku: Wayne Aquilina
Viċi Sindku: Vince Bongailas
Kunsilliera: Maria Sultana
Speranza Chircop
Christopher Bruno
Segretarju Eżekuttiv: Elaine Caruana

Filmat: Miguela Xuereb