Filmat: Ejja nħarsu lejn l-immigrazzjoni mil-lenti demokratika – Dr Francois Mifsud

Aġġornat 08:32 AM

Andrew Azzopardi on 103 jixxandar kull nhar ta’ Sibt fl-10am fuq 103 Malta’s Heart u aktar tard fuq Newsbook.com.mt

Read in English.

Matul iż-żmien il-progress f’Malta tkejjel b’dak li bħala pajjiż kiseb ekonomikament jew teknoloġikament, imma wieħed ma jistax jinjora l-progress mentali li jista’ jsaħħaħ soċjetà u dan jista’ jinkiseb bl-integrazzjoni tan-nies b’nazzjonalità, kulturi u tradizzjonijiet differenti. Dan qalu Dr Francois Mifsud waqt li kien intervistat minn Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart.

Matul il-programm li xxandar is-Sibt filgħodu, Prof. Andrew Azzopardi ddiskuta l-isfidi li jaffaċċjaw il-komunitajiet minħabba l-migrazzjoni. Dan is-suġġett kien diskuss flimkien mal-mistiedna tiegħu Jeremy Camilleri, Fabian Demicoli u Malcolm Seychel. F’din id-diskussjoni pparteċipaw ukoll l-esperta tal-ħabs Dr Sandra Scicluna u l-lettur Dr Francois Mifsud.

Proċess edukattiv

Francois Mifsud spjega li l-integrazzjoni hija proċess edukattiv li jinvolvi l-koperazzjoni tal-migrant u l-komunità li huwa jagħmel parti minnha. Kompla li l-proċess edukattiv ma jinvolvix li wieħed jagħmel xi kors partikolari imma li kull settur fis-soċjetà għandu r-responsabilità li jkun parti mill-proċess edukattiv għall-integrazzjoni.

L-integrazzjoni mill-perspettiva demokratika

Mifsud qal li jemmen li huwa perikoluż jekk wieħed jara l-integrazzjoni minn ideoloġija nazzjonalista. Żied li huwa mhux jirreferi għal Partit Nazzjonalista f’Malta iżda fl-ideoloġija li biex wieħed jintegra u jkun parti minn komunità irid jadotta t-twemmin patikolari ta’ dik il-komunità li dan jinkludi wkoll li wieħed jitkellem bil-lingwa tal-pajjiż.

Francois Mifsud żied li wieħed irid iħares lejn l-integrazzjoni mill-perspettiva demokratika li hija bbażata fuq id-diversità u tipproteġi l-libertà tal-espressjoni. Mifsud ikkonkluda li jekk wieħed jirnexxielu jirrispetta lil ħaddieħor ikun jista’ jifhem li l-immigrazzjoni mhux se tnaqqas min aħna bħala poplu imma se tgħin fil-progress mentali tal-poplu Malti.

Andrew Azzopardi on 103 jixxandar kull nhar ta’ Sibt fl-10am fuq 103 Malta’s Heart u aktar tard fuq Newsbook.com.mt