Filmat: “L-immigranti salvati kollha nstabu negattivi” – Prof. Gauci

Read in English.

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci qalet li l-immigranti li ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta fl-aħħar jiem kollha rriżultaw fin-negattiv għall-coronavirus.

Il-Professur Gauci kienet qed twieġeb mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ. Hi spjegat li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jagħmlu l-ħidma kollha neċessarja sabiex ladarba l-immigranti ddaħħlu Malta jiġu ċċekkjati għas-sintomi, għad-deni u jsirulhom l-iswab tests neċessarji. Qalet li r-riżultati tal-iswabs ħarġu kollha fin-negattiv, iżda xorta waħda qed jinżammu f’perjodu ta’ kwarantina mandatorja ta’ 14-il jum.

Hi kompliet tgħid li l-awtoritajiet tas-saħħa se jkomplu jsegwu lil dawn l-immigranti ħalli jekk ikollhom bżonn xi kura huma jirċevuha. Qalet li tajjeb li wieħed jiftakar fil-ħidma li qed tagħmel ir-Red Cross biex toffri faċilitajiet għall-kura lill-immigranti filwaqt li tara li jkun hemm sodod disponibbli għalihom ukoll.

Il-grupp ta’ immigranti salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta l-ġimgħa li għaddiet kien ta’ 70 persuna. Wara li kien sar is-salvataġġ tagħhom u wara li dawn iddaħħlu Malta, il-Gvern qal li Malta ma tinsabx f’pożizzjoni li tiggarantixxi r-riżorsi għas-salvataġġ lil immigranti. Fi stqarrija, il-Gvern qal li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Kabinett tal-Ministri u li fiha ġie maqbul li ma jitħallewx jidħlu aktar immigranti minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Diversi għaqdiet għad-drittijiet umani appellaw lill-Gvern Malti sabiex ma jissagrifikax ħajjet immigranti li jkunu f’ħalq il-mewt fuq il-baħar f’isem emerġenza pubblika. Fi stqarrija qalu li jinsabu xxukkjati bl-aħbar li Malta se tkun qed tagħlaq il-portijiet tagħha għall-persuni li jinsabu f’periklu fuq il-baħar. Qalu li dan se jfisser li jew għexieren ta’ persuni se jitħallew bejn sema u ilma għal jiem u ġimgħat sħaħ jew inkella jiġu sfurzati lura lejn il-Libja fejn jesperjenzaw diversi ksur ta’ drittijiet umani. Qalu li mhux aċċettabbli li Malta tisfrutta s-sitwazzjoni tal-COVID-19 biex titfa’ fuq l-ixkaffa l-obbligazzjonijiet tagħha biex tħares id-drittijiet umani ta’ nisa, irġiel u tfal li jkunu f’riskju li jmutu fuq il-baħar.

Is-sitwazzjoni fil-pajjiż kompliet tiżviluppa meta bejn il-Ġimgħa u s-Sibt tfaċċaw żewġ dgħajjes fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern Malti. Diversi NGOs appellaw lill-Gvern Malti sabiex ma jippermettix li dawn il-persuni jisfaw vittmi fil-baħar Mediterran. Filwaqt li fuq dgħajsa waħda hemm 47 ruħ, fuq dgħajsa oħra hemm 71 ruħ.

Ilbieraħ, omm talbet lill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) biex għallinqas isalvaw il-wild tagħha. Skont l-għaqda Alarm Phone din l-omm hija fost grupp ta’ 47 persuna fiż-żona tas-salvataġġ ta’ Malta.

Minkejja dan kollu, il-Gvern Malti qed jinsisti fuq id-deċiżjoni tiegħu li ma jiġux salvati aktar immigranti. F’diversi laqgħat li kellu l-Gvern Malti ma’ rappreżentati ta’ pajjiżi oħrajn f’Malta, hu qal li għal Malta sar impossibbli li fl-ibħra Maltin jibqgħu jiġu salvati immigranti li t-traffikanti tal-bnedmin qed jibgħatu lejn Malta illegalment.