Filmat esklussiv: L-immigranti jkantaw u jifirħu li ġejjin Malta

L-immigranti abbord l-Aquarius huma ferħana se jtiru li wara erbat ijiem bejn sema u ilma, l-Aquarius se jidħol Malta llum fis-1.30pm. Dan qalu lil Newsbook.com.mt il-kordinatur tal-proġett tal-Aquarius, Aloys Vimard.

Minkejja li huma ftit konfużi dwar x’se jsir minnhom ladarba jaslu Malta, l-immigranti huma kuntenti ħafna li fl-aħħar se jiġu salvati.

Vimard informa lil Newsbook.com.mt li m’hemm ħadd marid fost l-immigranti, xi wħud sempliċiment jeħtieġu xi assistenza medika. Madankollu, in-nies huma eżawsti u trawmatizzati b’dak li għaddew minnu.

“Għandhom stejjer ta’ qsim il-qalb,” qal Vimard. Fost l-istejjer li rrakkonta, hemm storja ta’ raġel minn Cameroon li kien maħtuf mill-Boko Haram għal 8 snin, bla ebda komunikazzjoni ma’ familtu, sakemm irnexxielu jaħrab lejn il-Libja fejn lanqas ma sab xortih.

L-istejjer ta’ vjolenza sesswali ma jonqsux; hemm raġel ieħor li ra lil oħtu tiġi stuprata quddiem għajnejh.

It-38 żagħżugħ u żagħżugħa abbord ukoll għandhom stejjer xokkanti x’jirrakkontaw; uħud minnhom inħatfu minn ma’ familthom u ġew ittorturati. Dawk li ħatfuhom kienu jibdew jixxukkjawhom u jikkuntattjaw lill-familji tagħhom huma u jittorturawhom biex dawn iħallsu somma flus biex uliedhom jinħelsu.

Huwa lmenta fuq il-politika li tintervjeni fil-ħidma ta’ salvataġġ tagħhom. Qal li l-immigranti huma deumanizzati daqslikieku huma xi merkanzija, filwaqt li l-politikanti jagħlqu għajnejhom għas-sofferenza tal-immigranti.

Vimard temm billi jgħid li huma li jaħdmu fis-salvataġġ huma biss nies komuni li qegħdin jippruvaw jgħinu lill-vittmi tal-Mediterran, iżda li mhux dejjem isibu l-għajnuna meħtieġa.

Dwar in-notifika li rċieva l-bastiment Aquarius li jaf jitlef ir-reġistrazzjoni tiegħu, Vimard qal li mill-vapur ma jafux wisq, peress li huma ffukati fuq saħħet in-nies. Iżda huma appellaw legalment. Huwa insista li l-Aquarius dejjem irrispetta l-liġijiet.