Filmat: L-immigranti għandhom jitniżżlu l-art mill-ewwel – il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-immigranti salvati mill-baħar għandhom jittieħdu mill-ewwel f’port sigur u jitniżżlu l-art biex tiġi assigurata s-sigurtà tagħhom, tal-bastiment u tal-crew li jkunu salvawhom. Il-Kummissjoni qalet ukoll li qed tagħti riżorsi finanzjarji u operattivi lill-pajjiżi fejn jitniżżlu l-immigranti.

Hekk stqarr il-kelliem tal-Kummissjoni Ewropea fil-Press Briefing ta’ kuljum li jsir fil-bini tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell.

Huwa appella lill-pajjiżi fosthom l-Italja u Malta biex jikkoperaw b’mod urġenti fi spirtu ta’ solidarjetà u responsabbiltà fl-immaniġjar tal-immigranti fl-Ewropa.

Huwa fakkar kif il-pajjiżi membri fil-fruntiera tal-Ewropa għandhom din ir-responsabbiltà iżda qal li m’għandhomx jaffaċċjawha waħidhom. Spjega li l-pajjiżi l-oħra għandhom ikunu preżenti billi jgħinu biex jospitaw f’pajjiżhom aktar immigranti mill-pajjiżi l-aktar milquta.

Il-kelliem qal li l-Kummissjoni għadha ma rċevitx talbiet biex tikkoordina t-tqassim tal-immigranti salvati fl-aħħar jiem kemm minn Sea Watch 4 u anke mill-bastiment Louis Michel. Stqarr li l-Kummissjoni qed issegwi wkoll x’qed jiġri mill-bastiment Maersk Etienne hekk kif l-ebda pajjiż għadu ma awtorizza l-iżbark tal-immigranti abbord.

Il-Gvern Malti qed iħejji l-proċess biex iżomm lill-immigranti fuq il-baħar sakemm jagħmlu l-kwarantina qabel ma jirfsu fuq art Maltija.

F’Lulju l-Gvern ħareġ sejħa għal espressjoni ta’ interess
Il-Gvern ifittex bastiment biex ipoġġi l-immigranti fuqu

Żewġ organizzazzjonijiet internazzjonali appellaw biex isir l-iżbark ta’ aktar minn 400 immigrant u refuġjat li ġew salvati u jinsabu fuq tliet bastimenti fiċ-ċentru tal-Mediterran madwar Malta.

Stqarrijiet dwar l-400 immigrant li jinsabu madwar Malta
IOM u l-UNHCR jappellaw biex l-immigranti jitniżżlu l-art